Kull pass ġdid li nagħmlu f’ħajjitna jġib miegħu ċertu sfidi, li min-naħa tagħna rridu naraw kif nagħmlu u nduru magħhom biex ma jiżviluppawx f’ostakli perpetwi.
Huwa dan li għamel Stephen Cachia waqt li kien għaddej bit-traduzzjoni ta’ ktieb miċ-Ċiniż għall-Malti. Stephen huwa lettur fl-Università ta’ Malta u traduttur li għadu kemm ittraduċa ktieb miċ-Ċiniż għall-Malti, intitolat Għoljet il-Qasab, li t-tnedija uffiċjali tiegħu saret ilbieraħ, il-Ħamis 13 ta’ Lulju, fiċ-Ċentru Kulturali taċ-Ċina f’Malta, li jinsab il-Belt.
Lessiku b’lingwa partikolari fost l-isfidi fit-traduzzjoni
Fost l-isfidi li ltaqa’ magħhom, waqt intervista li kellu ma’ Talk.mt huwa elenka li waħda minnhom hija dik ta’ lessiku b’lingwa partikolari li fil-Malti ma jkollniex kliem ekwivalenti għalih; fil-każ tiegħu kliem speċifikament Ċiniż, fosthom kliem relatat ma’ siġar partikolari f’dan il-pajjiż fejn pereżempju semma żewġ pjanti: l-Osmanthus u l-Wisteria.
Huwa kompla jgħid li f’każi bħal dawn it-traduttur ikollu jara hux se jinqeda b’xi kliem mill-Ingliż jew il-Latin, fost oħrajn, filwaqt li enfasizza l-importanza li jinħoloq bilanċ bejn il-kliem “missellef” u l-Malti mirqum: “Trid issib bilanċ bejn kliem approssimattivi bil-Malti u tħallat bejn il-Latin, l-Ingliż, u t-Taljan, u kemm jista’ jkun tuża Malti mexxej fil-partijiet l-oħrajn”. Dan għaliex jekk dal-fattur tal-bilanċ jiġi injorat, ikun hemm ċans kbir li l-qarrej iħoss li mhux qed jaqra kitba naturali u għalhekk ma jaqrax il-ktieb sal-aħħar.
Fil-fehma tiegħu, dan ir-rumanz, maqlub miċ-Ċiniż għall-Malti — li huwa l-ewwel wieħed tax-xorta tiegħu għall-adolexxenti f’pajjiżna — se jservi ta’ pont biex jiffamiljarizza lilna l-Maltin mal-kultura Ċiniża.
Dan ir-rumanz u t-tnedija tiegħu ma setgħux ikunu possibbli mingħajr l-għajnuna tal-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb li ffinanzjaw il-proġett, Faraxa Publishing immexxija minn Joanne Micallef li ħad, il-Prof. Tony Aquilina għall-qari tal-provi, u ċ-Ċentru Kulturali taċ-Ċina f’Malta li ġentilment offrew is-sala tagħhom lil Stephen sabiex issir it-tnedija.
Iċ-Ċentru Kulturali taċ-Ċina f’Malta, immexxi mid-Direttur Yuan bil-għajnuna tal-Events Manager Suzanne Zhao, se jkun qed jiċċelebra l-20 anniversarju mill-ftuħ tiegħu lejn l-aħħar ta’ dan ix-xahar.
L-oriġini ta’ Għoljet il-Qasab…
Stephen stqarr magħna li minn dejjem kellu għal qalbu l-lingwa u l-ivvjaġġar. Fl-2010, żmien li fih ġa kien qabad jitħarreġ fiċ-Ċiniż, ġietu opportunità biex jaħdem f’Shanghai — post li għenu jtejjeb l-għarfien tiegħu fil-lingwa Ċiniża.
Meta rritorna lura f’pajjiżna kompla bl-istudji tiegħu sakemm eventwalment kiseb il-Baċellerat fiċ-Ċiniż mill-Università ta’ Malta u fl-2018 saħansitra gradwa b’Masters fiċ-Ċiniż mill-Università ta’ New England. Stephen, apparti li hu traduttur u kittieb — fl-2007 flimkien mal-kittieb Patrick Sammut ippubblika l-ktieb Żifef u Rwiefen — huwa lekċerer fl-Università ta’ Malta fejn jgħallem iċ-Ċiniż u l-istorja tal-lingwa Ċiniża.
Fl-2019, Stephen ġie avviċinat mill-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb u talbuh jittraduċi ktieb miċ-Ċiniż għall-Malti. Hawnhekk ta’ min isemmi li Stephen kien għamel xi żmien jaħdem għal Malta fix-Shanghai Expo, u meta kien ikollu xi ħin frank kien iħobb iżur xi lokalitajiet fil-madwar. Meta ġie f’idejh ir-rumanz Ye Mang Po, li nkiteb fl-2016 minn Yin Jian Ling, mal-ewwel inġibed lejh minħabba li r-rumanz kien ambjentat f’Xujiahui, lokalità f’Shanghai.
“Ma’ l-ewwel ftit linji indunajt li se jkun interessanti ħafna … storja dwar tifel li twieled taħt stilla ħażina; spiċċa orfni u f’orfonatrofju … tifel li jibqa’ jġorr is-sens ta’ ħtija għaliex fil-proċess li twieled, mietet ommu,” fisser Stephen. Hawnhekk żied jgħid li l-istorja serviet ta’ xprun għalih biex eventwalment ittraduċa l-ktieb minn qoxra sa qoxra.
Lil Stephen staqsejnieh x’hemm wara l-isem tar-rumanz Għoljet il-Qasab, fejn qalilna li dan huwa l-forma mqassra bit-’t’ marbuta għall-isem l-għolja tal-qasab: “Il-ktieb biċ-Ċiniż propjament jismu Ye Mang Po li litteralment tfisser l-għolja fejn jikber il-qasab selvaġġ … ftakart li apparti li huwa deskrizzjoni ta’ għolja fejn jikber il-qasab selvaġġ, dan l-isem huwa wkoll l-isem tal-orfonatrofju fejn jispiċċa t-tifel u jibda jitgħallem snajja’ differenti. Allura rraġunajt li aħjar li din il-kelma nagħtiha xeħta Maltija biex tkun isem ta’ post”.
Għoljet il-Qasab, huwa ambjentat fis-seklu 19 u jirrakkonta l-istorja ta’ tifel Ċiniż bl-isem You An. Huwa spjegalna li You An huwa tifel sfortunat li tilef lil ommu waqt il-proċess tal-ħlas u għex ma’ missier trux u omm abbużiva. Eventwalment it-tifel jibda jgħix fl-orfonatrofju ta’ Santa Marija mmexxi mis-sorijiet barranin. Meta għalaq sitt snin ġie trasferit f’Għoljet il-Qasab, fejn hemmhekk jibda jinteressa ruħu fil-pittura u l-iskultura minkejja d-diffikultajiet kollha li jrid jiffaċċja, inkluż il-fatt li jrid jara kif jgħix ma’ kultura barranija li ġiet imposta fuq pajjiżu.
L-awtriċi oriġinali, Yin Jian Ling, twieldet fl-1971 f’Shangai. Ling hija kittieba famuża Ċiniża li tħobb tikteb l-iżjed għat-tfal u għall-adolexxenti. Fil-fatt hija rebħet diversi premjijiet prestiġjużi fil-qasam tal-letteratura, fosthom il-Premju Prestiġjuż tal-Letteratura Internazzjonali tat-Tfal Chen Bochui.
“Li titgħallem dwar kultura u pajjiż ieħor jagħmlek iżjed uman”
“Min qed jaqra dan il-ktieb se jiftaħ moħħu għal kulturi oħrajn, li dejjem hija xi ħaġa tajba fil-ħajja għax inti iktar ma titgħallem dwar kulturi oħrajn iktar ikollok opportunitajiet, tikber kulturalment, issir taf dwar kulturi oħrajn u jinfetħulek ħafna bibien”.
“Li titgħallem dwar kultura u pajjiż ieħor jagħmlek iżjed uman u tirrealizza kif aħna fl-aħħar mill-aħħar kollha l-istess,” sostna Stephen. Huwa rrimarka li din l-umanità hija riflessa ħafna fir-rumanz.