“L-istaġun diffiċli biex tbassar, iżda milli rajna s’issa jidher li mhux se jkun wieħed tajjeb. Il-fatt li l-prezz baqa’ għoli llum jindika dan ukoll, imma kif qegħdin ngħidu ma jiddependix minna kemm se jkun tajjeb”. Iddikjara dan ma’ Talk.mt Venazio Gafà – sajjied ta’ 72 sena mar-ritorn tiegħu minn sajda għal-lampuki.
Is-sajjied qalilna li għalih li sajjied joħroġ b’150 ċima u jaqbadlek 10 Kilogrammi, għalih mhumiex qabdiet tajbin u meta mistoqsi rigward ir-reazzjoni ta’ sajjieda b’bastimenti ikbar li jidher li se jkun staġun tajjeb wara li fl-ewwel qabdiet tagħhom qalu li kellhom qabdiet tajbin, huwa qalilna li s’issa anke l-prezz tal-ewwel lampuki jindika li se jkun skars.
Rigward id-daqs tal-lampuki, is-sajjied qalilna li bħala daqs għaż-żmien li qegħdin fih ma jistax ikun isbaħ. Spjegalna li diġà qbiżna nofs Awwissu u sippost qiegħed daqs tajjeb u kif kienet tindika l-qabda tiegħu stess, il-maġġoranza tal-lampuki kienu ta’ daqs kabbari.
“Il-futur tas-sajd f’pajjiżna li ma kinux dawn il-barranin jinqata’. Jekk inti se tgħallem wieħed biex jibni trid tieħu lit-tfal biex jitrawmu. Sajjieda kemm hawn li qed jiġu fuq il-baħar? Bl-affarijiet li għandna t-tfal ma jistgħux jiġu fuq il-baħar”, sostna b’nofs qalb is-sajjied meta mistoqsi dwar il-futur tas-sajd f’pajjiżna. Qalilna li fl-opinjoni tiegħu hawn ħafna burokrazija żejda anke jekk jaqbel li ma jistax ikun li kulħadd jitħalla jagħmel li jrid. Huwa qal li hemm bżonn ta’ aktar bilanċ għax min joħroġ ċertu liġijiet irid jifhem li biex sajjied li jbigħ il-ħut joqgħod bil-cash register miegħu u l-ħin kollu u filli qiegħed jaħdem il-ħut għan-nies u kull darba jrid joqgħod jitlaq minn idu biex iniżżel kull biċċa ħuta hija tedjanti. “Barra minn hekk bl-ilma ħsara tistenna”, tenna jgħidilna s-sajjied imħasseb dwar l-ispejjeż li forsi l-konsumatur lanqas biss jimmaġina li jikkunsidrahom, iżda li jkunu qegħdin inaqqru mill-qliegħ tiegħu.
Intant dan is-sit jinsab infurmat ukoll b’kollox sal-bieraħ kienu ddaħħlu mal-400 kaxxa l-pixkerija u li minnhom kien hemm madwar 10 kaxxi li kienu tal-ikbar daqs, il-maġġoranza ta’ daqs kabbari iżda xorta mhux daqs dawn imsemmija qabel u ftit kaxxi li kienu bl-iżgħar lampuki.
Fejn jidħol il-prezz tal-lampuki, fl-ewwel sigħat inbigħu għal madwar €10 il-Kilo, dan joħroġ aktar tard illum hekk kif filgħaxija kienu mistennija jidħlu mis-sajdiet tagħhom il-bastimenti l-kbar li mill-kwantitajiet tagħhom ikun iħoll u jorbot il-prezz fis-suq ta’ din il-ħuta tant imfittxija mill-Maltin u l-Għawdxin.