Il-Knisja Parrokkjali ta’ Marija Addolorata f’San Pawl il-Baħar dalgħodu laqgħet folla kbira li nġabret biex tagħti l-aħħar tislima lil Patri Elija Vella.

Il-quddiesa tal-funeral tmexxiet mill-Arċisqof Charles Scicluna u l-Provinċjal Patri Colin Sammut fl-Omelija ddeskriva lil Elija bħala bniedem umli li għaraf jimxi fuq il-passi ta’ Alla. Huwa qal li Elija jinsab irodd ħajr lil Alla għax permezz tiegħu ġibed ħafna nies lejn il-Knisja u anke wettaq grazzji kbar lil diversi persuni.
L-eżorċista u eks kappillan ta’ San Pawl il-Baħar, miet nhar it-Tnejn 10 ta’ Ottubru fl-età ta’ 81 sena.

Qabel il-funeral, Patri Elija kien espost għall-qima tal-pubbliku fejn bejn ilbieraħ u dalgħodu, għadd kbir ta’ persuni żaru l-Knisja biex isellmulu, b’uħud saħansitra jieħdu affarijiet reliġjużi biex persuna inkarigata messithom ma’ id l-eżorċista.
