Monday, December 23, 2024

ARA: L-erba’ akkużati b’bail wara li jwieġbu mhux ħatja għall-qtil involontarju ta’ Miriam Pace

Aqra wkoll

Żewġ periti fost erbgħa mixlija bil-qtil ta’ Miriam Pace

Wara 43 jum mit-traġedja li fih tilfet ħajjitha Miriam Pace l-Pulizija ressqet fil-Qorti erba’ persuni u akkużathom bil-qtil involontarju tagħha.

Tnejn mill-akkużati huma periti, Roderick Camilleri ta’ 36 sena mir-Rabat u Anthony Mangion ta’ 72 sena mill-Gżira b’tal-ewwel kien il-perit tal-proġett fis-sit biswit id-dar ta’ Pace mentri tat-tieni is-Site Technical Officer tal-istess proġett.

Magħhom ġew akkużati wkoll Ludwig Dimech ta’ 37 sena minn Ħaż-Żebbuġ li kien il-kuntrattur u Nicholas Spiteri ta’ 42 sena mill-Imqabba li kien qed jaħdem fis-sit.

L-erbgħa li huma ġew mixlijin li fit-2 ta’ Marzu li għadda, għall-ħabta tas-2.20 p.m. fis-sit li jinsab bejn Triq Joseph Abela Scolaro fil-Ħamrun u Triq Antonio Miruzzi f’Santa Venera, bi traskuraġni ikkaġunaw il-mewt ta’ Pace li kellha 54 sena.

Huma ġew akkużati ukoll li fl-istess jum, u fil-ġimgħat ta’ qabel, ikkaġunaw ħsara fil-proprjeta tal-istess vittma u ta’ żewġha Carmel kif ukoll f’dawk ta’ David Zerafa, Rosaria Zerafa, John Sammut, Grace Sammut, Joseph Sammut u tal-kumpanija Edu Centre Limited.

Iż-żewġ periti u Dimech kienu mixlijin ukoll li għamlu dikjarazzjoni falza  f’dokument maħsub għal awtorita pubblika, l-istess żewġ periti u Spiteri li anke naqsu milli joservaw dikjarazzjoni tal-metodu relatat max-xogħol li kien għaddej mentri l-Perit Mangion waħdu kien mixli wkoll li naqas li jkun preżenti fuq is-sit meta kienu qed jittieħdu deċiżjonijiet li jaffettwaw ir-riskju dwar ħsara lil terzi persuni.

Lebsin maskra ma’ wiċċhom, l-erbgħa li huma wieġbu mhux ħatja ta’ dawn l-akkużi li dwarhom qed jiffaċċjaw piena ta’ ħabs ta’ mhux aktar minn erba’ snin.

Fl-awla preseduta mill-Maġistrat Natasha Galea Sciberras kien hemm preżenti Carmel Pace, ir-raġel tal-vittma, li kien akkumpanjat mill-avukati tiegħu Joseph Giglio u David Bonello.

Wara li wieġbu mhux ħatja l-avukati tagħhom talbu għall-ħelsien mill-arrest u bil-prosekuzzjoni ma toġġezzjonax għal dan it-talba kienet milqugħa taħt diversi kundizzjonijiet.

Kollha kemm huma jridu jiffirmaw f’għassa darba fil-ġimgħa, b’eċċezzjoni ta’ Dimech li jrid jiffirma darbtejn minħabba li għandu każ ieħor fil-Qorti, għalkemm għal raġunijiet ta’ saħħa ż-żewġ periti jistgħu ma jiffirmawx għalissa sakemm tgħaddi l-imxija tal-coronavirus.

YouTube video

Minbarra l-iffirmar fl-għases, iż-żewġ periti ġew marbuta b’depożitu ta’ €1,500 u garanzija personali ta’ €7,500 kull wieħed; Dimech depożitu ta’ €1,500 u garanzija personali ta’ €8,500 mentri Spiteri depożitu ta’ €1,000 u garanzija personali ta’ €8,000.

Il-prosekuzzjoni f’dan il-każ qed titmexxa mill-Ispetturi Robert Vella u Matthew Galea li investigaw il-każ.

Il-Perit Camilleri għandu jiddefendih lill-Avukat Arthur Azzopardi, il-Perit Mangion lill-Avukat Alfred Abela, Spiteri lill-Avukati Franco Debono u Marion Camilleri waqt li Dimech lill-Avukat Michael Sciriha, Roberto Montalto u Franco Galea.

Wara li tressqu l-Assoċjazzjoni Maltija tal-Iżviluppaturi (MDA) ħarġet stqarriaj li fiha qalet li kienet qed tilqa d-deċiżjoni tal-awtoritajiet li ħadu passi fil-Qorti dwar il-każ.

Hija qalet li kienet qed tilqa’ il-fatt li ttieħdu passi malajr kemm fit-tlestija tal-inkjesta maġisterjali, li tmexxiet mill-Maġistrat Claire Stafrace Zammit, kif ukoll mill-Pulizija biex ressqet lill-persuni involuti.

L-Avukat Marthese Portelli, li sa ftit ilu kienet membru parlamentari u issa tokkupa l-kariga ta’ Direttur Ġenerali tal-MDA irrimarkat li mingħajr ma jidħlu fil-mertu tal-każ huma jittama li ssir ġustizzja fl-iqsar żmien possibbli.

L-MDA irrimarkat ukoll li bid-diversi emendi fil-liġi li saru fis-sajf li għadd l-awtoritajiet kompetenti u l-Qrati ta’ Malta għandhom parametri ċari biex jiddeterminaw ta’ min hija r-responsabbilta fl-inċidenti.

Ekonomija

Sport