Thursday, November 28, 2024

Ara: L-FSWS tniedi sit elettroniku ġdid

Aqra wkoll

Il-Fondazzjoni għal Servizzi ta’ Ħarsien Soċjali (FSWS) nediet sit elettroniku ġdid li joffri bidla radikali kemm fil-kontenut kif ukoll fl-esperjenza għal min juża s-sit.

Fi stqarrija, l-FSWS qalet li dan kien pass importanti ieħor biex is-servizzi li toffri jkunu jistgħu jintlaħqu mill-pubbliku b’mod aktar faċli, veloċi u sigur.

Is-sit elettroniku www.fsws.gov.mt inbena mill-ġdid bi struttura ġdida u fih mijiet ta’ paġni b’kontenut ġdid li jippromwovu lill-Fondazzjoni bħala l-Aġenzija Nazzjonali tas-Ħarsien Soċjali.

YouTube video

Il-Ministru għas-Solidarjetà u l-Ġustizzja Soċjali, il-Familja u d-Drittijiet tat-Tfal Michael Falzon tkellem dwar l-importanza t’aktar ‘reaching out’ bil-għan li nilqgħu minn kmieni għal sitwazzjonijiet li jistgħu jikkumplikaw ruħhom aktar ‘il quddiem. Spjega li permezz ta’ dan is-sit l-FSWS qed ikomplu jiġġeddu u qed iwasslu l-informazzjoni b’iktar effettivita u li tilħaq aktar liż-żgħażagħ.

”Il-missjoni tagħna hija li ngħinu kemm nistgħu nies joħorġu minn ħajja li tkun qed tagħmel ħsara lilhom jew ta madwarhom. Kull għajnuna tgħodd,u għalhekk nappella għal iktar solidarjeta’ soċjali anke bejnietna”, temm jgħid il-Ministru Michael Falzon.

L-Aġent Ċerpersin tal-FSWS is-Sur George Borg sostna li fl-era li qed ngħixu fiha llum il-midja soċjali u t-teknoloġija hija avvanzata, għalhekk inħasset il-ħtieġa għal dan l-aġġornament tas-sit elettroniku. Temm billi rringrazzja lil dawk kollha li taw semhom għal dan is-sit u qed iħares ‘il quddiem biex b’sodisfazzjon jara li din tintuża minn dawk kollha li se jiġu bżonnha b’mod aktar faċli. 

Sadanittant il-Kap Eżekuttiv tal-Fondazzjoni s-Sur Alfred Grixti saħaq li l-għan tal-maniġment kien li l-Fondazzjoni jkollha sit elettroniku li jkun kemm estetikament sabiħ imma wkoll ħafif biex tħaddmu u li jkollu funzjonalità fuq smart phone, tablets u laptops. Fil-fatt, meta l-websajt il-ġdida tal-FSWS tintuża mill-mowbajl wieħed jista’ jagħfas buttuna u jċempel direttament fuq is-Supportline 179.

Fl-aħħar nett, Alfred Grixti wera kif fuq il-landing page preżenti tnediet il-kampanja biex min isuq ma jixrobx jew ikun taħt l-effett ta’ sustanzi u dan permezz ta’ ritratt li juri taxi, karozza tal-pulizija, ambulanza u karru tal-mejtin bil-mistoqsija ‘Kif trid tasal id-dar illum?’

Id-Direttur tal-Communications & Marketing Department fi ħdan l-FSWS is-Sinjura Nathalie Attard Bishop sostniet li f’Fondazzjoni fejn kontinwament qed tiġġedded u testendi s-servizzi tagħha, huwa mportanti li l-qasam teknoloġiku, jinżamm fuq nett tal-aġenda. Saħqet li qed iseħħ dan, għaliex illum il-ġurnata, ħafna nies jirrikorru għal dan il-mezz biex ifittxu kull tip ta’ nformazzjoni li jkunu jeħtieġu. Spjegat li dan is-sit elettroniku li l-FSWS nediet huwa attrezzat u maħsub għaż-żminijiet tal-lum fejn se jibqa’ jiġi aġġornat skont kif meħtieġ fiż-żmien li ġej. 

Is-Sinjura Attard Bishop temmet tgħid li l-iskop ta’ dan is-sit ġdid mhux biss li tingħata dehra differenti b’karatteristiċi ġodda, iżda hija aktar user friendly fejn il-pubbliku jkollu aktar għarfien dwar is-servizzi u għaldaqstant ikollu l-opportunita li jfittex l-għajnuna meħtieġa b’mod aktar faċli. Spjegat li dan is-sit se jibqa jiġi estiż għat-tieni fażi permezz ta’ chat dirett mill-pubbliku għas-Supportline 179.

Sport