Friday, November 15, 2024

ARA: “L-imwejjed reġgħu qed jimtlew… għalina l-Malti huwa l-aqwa turist”

Sidien ta' Lukandi u ristoranti Għawdxin iħarsu lejn sajf aktar impenjattiv

Aqra wkoll

Issa li l-pandemija tal-COVID-19 bdiet tmajna sew, diversi sidien ta’ lukandi u ristoranti Għawdxin jistgħu jħarsu lejn sajf aktar impenjattiv u sa ċertu punt rashom mistrieħa li l-klijentela tagħhom terġa’ tiġi għal li kienet.

Ċertament li dawn is-sentejn kienu ferm ibsin għall-istess Għawdxin li kellhom saħansitra jagħlqu l-bibien tagħhom f’xi mumenti tal-pandemija b’lukandi li ma setgħux jilqgħu turisti ġodda u b’ristoranti li kellhom jirrikorru għat-take away sabiex l-ikel jasal fid-djar tan-nies minflok jilqgħu lill-klijenti tagħhom fl-imwejjed li jkollhom.

YouTube video

Fi ftit kliem, kienu żminijiet ta’ prova kbira għalkemm bl-għajnuna li ngħatat inkluż bis-suppliment tal-pagi, diversi ħaddiema setgħu jżommu l-post tax-xogħol tagħhom filwaqt li r-ristoranti setgħu anke jibbenefikaw mill-vawċers li ħareġ ukoll il-Gvern f’dawn iż-żminijiet.

B’xorti tajba, il-COVID-19 jidher li tinsab warajna u għalhekk is-sidien tal-lukandi u r-ristoranti qed jistennew sajf impenjattiv b’diversi minnhom li diġa għandhom bookings għall-erba’ xhur li ġejjin.

Dan is-sit tkellem ma’ Carmel Bonnici, sid ta’ ristorant Għawdxi fix-Xlendi. Hu ilu f’dan ix-xogħol għal numru ta’ snin u fisser is-sentejn li għaddew bħala prova u sfida kbira.

“Ma kinitx xi ħaġa faċli li nkampaw tul is-sentejn tal-pandemija tal-COVID-19. Veru li kien hemm is-sjuf fejn ftaħna ftit u l-vawċers li ħareġ il-Gvern għenu ħafna iżda kellna inċertezza kbira dwar x’jista’ jiġri. Kellna nadattaw ruħna għar-restrizzjonijiet li kien hawn filwaqt li npoġġu mwejjed u siġġijiet b’distanza partikolari. Żgur li ma kienx l-ambjent ideali iżda bħal ħaddieħor aħna obdejna l-liġijiet li nħarġu mill-awtoritajiet tas-saħħa.”

“Jidher li se jkun staġun tajjeb… nisperaw li l-gwerra ma ddumx biex in-nies ma tibżgħax tieħu l-vaganza li tixtieq”

Carmel Bonnici

Bonnici issa ried jitfa’ lura din l-esperjenza u jħares lejn il-ġejjieni li jidher ferm sabiħ. Hu kellimna dwar is-sitwazzjoni preżenti u anke dik li ġejja fix-xhur sħan tas-sajf.

“Sa fl-aħħar ix-xogħol beda jirpilja. Bdejna naraw aktar nies joħorġu jieklu speċjalment fi tmiem il-ġimgħa u jidher li bil-mod il-mod l-agħar għadda.”

Hu jgħid li bħalissa hawn diversi turisti Franċiżi u Pollakki li jinsabu fil-gżira Għawdxija u li qed jinqdew fir-ristoranti li hawn miżgħuda fil-gżira ta’ Kalipso. Bi pjaċir jgħid li l-imwejjed reġgħu bdew jimtlew u dan hu sinjal tajjeb.

“Tieħu gost meta jiġi tmiem il-ġimgħa u tara diversi postijiet jiġu mimlija mhux biss mit-turisti barranin iżda anke minn diversi Maltin li jiġu għall-btala jew għal xi sigħat f’Għawdex. Bla dubju li għalina l-Malti hu t-turist ideali għax meta jiġi hawn jonfoq ħafna flus filwaqt li juża’ s-servizzi tagħna.”

Bonnici temm jgħid li l-futur jidher wieħed sabiħ speċjalment dan is-sajf meta reġgħu rritornaw diversi avvenimenti fosthom il-festi tal-irħula, l-attivitajiet tal-massa u l-parties.

“Bla dubju dan hu sinjal sabiħ li qed nirritornaw għan-normalità li tant ħlomna biha u li issa qed nerġgħu sseħħ. Nittamaw dejjem fil-pożittiv sabiex ir-rota ekonomika mhux biss tagħna iżda wkoll tal-pajjiż tkompli ddur.”

Ekonomija

Sport