Sunday, December 22, 2024

ARA: “L-isfidi tal-gżejjer jeħtieġu soluzzjonijiet permanenti” 

Il-kisbiet u l-isfidi tal-MEPs Maltin f’din is-sena …

Aqra wkoll

Waqt żjara fil-Parlament fi Strasburgu, fl-aħħar jiem dan is-sit kellu l-opportunità li jitkellem mal-Membri Parlamentari Ewropej Maltin dwar diversi suġġetti. Wara li fil-ħarġa tal-bieraħ qsamna magħkom ir-reazzjonijiet tagħhom b’rabta mal-aħħar żviluppi fil-każ tal-Viċi President tal-Parlament Ewropew Eva Kaili u l-vot ta’ sfiduċja fil-konfront tagħha, illum qegħdin inwasslulkom summarju ta’ dawk li skonthom huma l-akbar kisbiet għal din is-sena fil-ħidma tagħhom u sfidi li jistennew li se jkun qed jaffaċċja l-Parlament Ewropew fis-sena li ġejja.

YouTube video

Min-naħa tagħha l-Membru Parlamentari Ewropew Josianne Cutajar tkellmet dwar il-ħidma tagħha favur il-gżejjer u enfasizzat il-bżonn li l-Unjoni Ewropea tirrikonoxxi li gżejjer bħal tagħna jistħoqqilhom attenzjoni partikolari. Hija saħqet li l-isfidi tal-gżejjer mhumiex temporanji imma permanenti u għalhekk jeħtieġu soluzzjonijiet permanenti. 

“Tlabna li l-Unjoni Ewropea tidħol f’patt mal-gżejjer tagħha imma wkoll li tgħinhom fl-opportunitajiet li jeżistu b’mod partikolari fejn tidħol l-enerġija rinovabbli u dik nadifa,” qalet Dr Cutajar.

Sostniet li fil-plenarja ta’ din il-ġimgħa ttieħed vot li jirrelata mal-iffaċilitar ta’ permessi għal min jixtieq jinvesti f’enerġija solari u li hemm bżonn aktar minnha biex ninqalgħu mid-dipendenza tagħna fuq pajjiżi terzi f’dan ir-rigward.

Hija tkellmet ukoll dwar il-ħidma diġitali biex ikollna suq teknoloġiku Ewropew li jkun iktar inklussiv u ma jħalli lil ħadd warajh. Hawn semmiet l-intelliġenza artifiċjali biex ikun hemm aspetti ta’ sigurtà u serħan il-moħħ fejn jidħlu drittijiet.

“L-Unjoni Ewropea kif qed tressaq miri ambjentali ‘l quddiem, qiegħda tpoġġi wkoll miri diġitali li rridu nilħqu, fejn jidħlu l-ħiliet tal-anzjani, tal-ħaddiema tagħna, tal-konnettività,” tenniet Dr Cutajar.

Żiedet tenfasizza li sakemm nilħqu tranżizzjoni diġitali rridu nassiguraw li ċertu servizzi amministrativi u lokali tal-Gvern, minbarra li jkunu online għal xi żmien ikunu preżenti wkoll b’mod fiżiku. Dan għaliex fi kliemha ma nistgħux nagħmlu din il-qalba diġitali u nħallu warajna anzjan/a li ma jkollhomx il-ħiliet neċessarji, jew persuni oħrajn li ma jaffordjawx li jkollhom apparat teknoloġiku bħak kompjuter/laptop.

“F’dan il-kuntest, punt ieħor li ħdimt fuqu li ġie inkluż fil-policy paper diġitali tas-soċjalisti li fuqha se nikkampanjaw fix-xhur li ġejjin hi l-aċċess għall-internet. Illum din m’għadhiex kapriċċ imma saret neċessità. Għalhekk baqagħlek persuni li ma jaffordjawx li jkollhom l-internet u rridu naraw li dan ma jibqax biss dritt diġitali bażiku imma jiġi elevat għal dritt fundamentali,” qalet Dr Cutajar. 

Finalment l-MEP Cutajar tkellmet dwar il-ħidma kontinwa tagħha fil-qasam tal-ugwaljanza fil-Parlament Ewropew u biex ikun assigurat li jonqsu l-inugwaljanzi bejn is-sessi.

Ekonomija

Sport