Għaddasa jirrikonoxxu l-iskema tal-vawċers għat-turisti u proġetti oħra li qed jiġu diskussi bil-għan li aktar turisti jagħżlu pajjiżna
Minn Brian Gatt
Niċċa importanti ferm għat-turiżmu li minħabba numru ta’ raġunijiet mhux kulħadd jasal jesperjenza hija ċertament dik tal-esplorazzjoni tad-dinja ta’ taħt il-baħar. Dilettanti u professjonisti tista’ tgħid matul is-sena kollha jagħżlu li jipprattikaw l-iscubadiving; min biex jipprova, min għax ikollu l-għatx biex jesplora x’toffri din l-esperjenza u oħrajn li ħajjithom tista’ tgħix jgħixuha taħt il-baħar jesploraw affarijiet ġodda filwaqt li jassistu lid-dilettanti li jagħżlu li jagħmlu scuba diving bħala esperjenza ta’ darba jew jgħallmu lil dawk li jagħżlu li jitħarrġu f’korsijiet li jwasslu biex persuna tiġi ċċertifikata bħala għaddas professjonist skont il-korsijiet varji li joffri l-iscubadiving.
Dan il-ġurnal tkellem ma’ Max Valli; is-sid tal-Orange Shark fil-Mellieħa u s-Segretarju tal-Assoċjazzjoni għat-Tagħlim tal-Għads fuq livell Professjonali (PDSA). Valli spjegalna li b’kollox f’din l-assoċjazzjoni hemm 44 ċentru u li bħala parti minn xogħolhom jieħdu ħsieb l-infrastruttura tal-għads fil-pajjiż.
Dwar il-pandemija, Valli spjegalna li kienet daqqa ta’ ħarta għal diversi oqsma u li sfortunatament bħala scubadiving jidher li se jdumu ma jintlaħqu l-miri miksuba fl-2019; is-sena qabel feġġet il-pandemija. Valli rringrazzja lill-Ministru għat-Turiżmu u l-Protezzjoni tal-Konsumatur Clayton Bartolo u qal li sa minn Novembru tas-sena li għaddiet bdew id-djalogi bejn il-gvern u l-assoċjazzjoni biex jippruvaw inaqqsu l-impatt negattiv tal-pandemija. L-Awtorità Maltija tibqa’ kommessa li tgħin lis-settur turistiku u fejn jidħol scubadiving. Il-gvern alloka €750,000 fi skema li tinċentiva lill-viżitaturi biex jesperjenzaw dawn l-attivitajiet fil-gżejjer tagħna. Spjegalna wkoll dwar l-importanza tal-iscubadivining li jirrapreżenta madwar 8 fil-mija tad-dħul fis-settur turistiku u l-fatt li meta t-turist jagħżel pajjiżna għal dawn l-attivitajiet ikun qiegħed jonfoq minn tal-anqas tliet darbiet aktar f’titjiriet, akkomodazzjoni, ikel u attivitajiet oħra.
Din l-iskema ma kinitx l-unika għajnuna min-naħa tal-gvern u dan hekk kif jinsabu għaddejjin diskussjonijiet biex permezz ta’ proġetti ġodda titjieb l-infrastruttura ta’ taħt il-baħar u b’hekk aktar turisti jkunu jistgħu jixħtu għajnejhom fuq pajjiżna biex jogħdsu.
Valli kompla jgħidilna li filwaqt li din l-iskema kienet imbuttatura tajba ħafna biex għadd ta’ turisti rriżervaw post biex jagħmlu dawn l-esperjenzi f’pajjiżna, sfortunatament l-aħħar jiem ġabu magħhom ċertu inċertezzi. Kemm iż-żieda fil-każi ġodda, l-għeluq tal-iskejjel tal-Ingliż kif ukoll il-fatt li dawk li jiġu f’pajjiżna jridu bifors jippreżentaw ċertifikat ta’ tilqim kienu fatturi li raw numru ta’ persuni jħassru l-riżervazzjonijiet tagħhom. Valli għamilha ċara li l-miżuri huma bżonjużi u li bl-ebda mod ma jrid jimplika li setgħu jiġu evitati anke minħabba l-fatt li s-saħħa tal-poplu tiġi l-ewwel u qabel kollox pero żied jittama li b’dawn l-istess miżuri nirritornaw għas-sitwazzjoni pożittiva ta’ ftit tal-ġimgħat ilu.
“Nittama li ninsab żbaljat però niddubita kemm din is-sena se nkunu nistgħu naqbżu s-sena li għaddiet. Is-sena li għaddiet hu stmat li bħala ċentru tal-għads, Orange Shark kellna madwar 40 fil-mija tal-attendenza tas-sena preċedenti qabel feġġet il-pandemija. Is-sena li għaddiet bdejna tard minħabba l-għeluq tal-ajruport għal xi xhur, iżda Lulju, Awwissu u Settemrbu kienu tliet xhur b’saħħithom daqs qabel u dik għenet biex ninġabru ftit. Din is-sena konna qed nittamaw li naqbżu dak l-ammont minħabba l-iskema tal-vawċers, il-programm tat-tilqim u l-kontroll fuq il-każi, iżda dawn l-aħħar miżuri se jagħmluha diffiċli biex naqbżu t-30 fil-mija tal-2019”, Temm jgħid ma’ Talk.mt Valli.
“Fl-aħħar snin jien u marti ddeċidejna li nħallu kollox u niġu naħdmu Malta”
Tkellimna wkoll mal-instructor Paddy Gilmore li flimkien ma’ martu huma għaddasa professjonisti u li l-iscubadiving ifisser l-għajxien tagħhom.
Gilmore qalilna li hu kien jgħix fl-Ingilterra u madwar 12-il sena ilu beda dan il-vjaġġ professjonali tiegħu minn sempliċiment attività qasira taħt il-baħar. Huwa spjegalna li beda b’esperjenza f’Minorca u minn hemm ma ħarisx lura u kellu esperjenzi fl-Eġittu, l-Ingilterra u Spanja fost pajjiżi oħra.
“Ħafna nies isiefru biex jaraw l-istrutturi u binjiet rinomati ta’ pajjiżi varji, jien u marti għalkemm jinteressawna ħafna dawn l-attrazzjonijiet, meta nsiefru naraw li nesperjenzaw ukoll x’joffru l-ibħra tal-pajjiżi li nżuru u b’hekk inkunu nistgħu ngawdu dik li għalina hija dinja oħra”, kompla Gilmore.
Gilmore u martu għażlu pajjiżna minħabba diversi raġunijiet, b’dik ewlenija tkun li pajjiżna jinsab viċin tal-Ingilterra u dik kienet se tagħmilha aktar faċli biex kull tant żmien iżuru lil qrabathom.
Rigward il-pandemija, Gilmore qal li bħal pajjiżi oħra, pajjiżna kien affettwat ħażin mill-pandemija u anke jekk l-iscubadiving kien ipprojbit biss għal ftit xhur, is-sitwazzjoni kellha ħafna tlugħ u nżul minħabba l-miżuri imposti bil-għan li jinżamm kontroll fuq il-firxa tal-pandemija. Kellimna dwar l-importanza tal-indafa li kienet importanti qabel il-pandemija, iżda issa aktar minn qatt qabel. Dawk li jattendu ċ-Ċentru tal-Orange Shark jistgħu jserrħu rashom li l-apparat jiġi diżinfettat wara kull persuna u li matul l-attivitajiet jiġu mħarsa l-miżuri kollha imposti mill-awtoritajiet tas-saħħa.
Huwa temm jgħid ma’ Talk.mt li “Xogħolna hawnhekk huwa li nassiguraw li l-esperjenza tkun waħda indimentikabbli u li jekk hu possibbli nħeġġu lil dak li jkun ikompli jtejjeb il-livell tiegħu taħt il-baħar b’numru ta’ korsijiet li noffru fuq livell avvanzat. Lil dawk li forsi jibżgħu jagħmlu l-ewwel pass nista’ niggarantilhom li matul l-esperjenza jiena u l-kollegi tiegħi filwaqt li nippermettu ċertu libertà ta’ tgawdija, ma nitilqu qatt minn taħt ħarsitna lill-klijenti tagħna. Bla ma jindunaw aħna nkunu qed nikkontrollawlhom kemm jinżlu u jogħlew, nosservaw il-livell ta’ ossiġnu u nassiguraw li ma jkunu qed jokkorru għall-ebda periklu.”