Friday, December 13, 2024

ARA: “Ma nimmaġinax lil pajjiżna mingħajr ir-raħħala u għalhekk jeħtieġ li nibqgħu ngħinuhom”

Aqra wkoll

Il-Ministru Anton Refalo fiduċjuż li fi żmien qasir l-Ewropa tissussidja l-għoli fil-prezz tal-ġwież

Sostna dan il-Ministru għall-Biedja, Sajd u drittijiet tal-Annimali Dr Anton Refalo. Hu ngħata din il-kariga fil-kabinett il-ġdid tal-Prim Ministru Robert Abela f’Jannar 2020.

Il-Ministru Għawdxi hu kkunsidrat bħala veteran fil-politika mal-Partit Laburista, elett fi tmien elezzjonijiet ġenerali konsekuttivi, deputat għal aktar minn 34 sena u b’esperjenza fil-kabinett f’żewġ leġiżlaturi.

Sa mill-ewwel jiem li ġie maħtur f’din il-kariga, il-Ministru Refalo ħadem sabiex id-drittijiet tal-bdiewa u s-sajjieda jkomplu jiġu salvagwardjati għax skontu, dawn is-setturi huma pilastri importanti għall-ġżejjer Maltin”

L-esperjenza tiegħu fil-kabinett bdiet fl-1996 meta serva bħala Segretarju Parlamentari għal Għawdex. Fil-leġiżlatura li għaddiet, hu kien Ministru għal Għawdex.

Talk.mt ltaqgħet mal-ministru Anton Refalo fejn saqsejnih xi mistoqsijiet ferm importanti dwar suġġett li hu rilevanti speċjalment għall-qasam tal-biedja u s-sajd li fost l-oħrajn jipprovdilna ħafna mill-ikel li nieklu aħna l-Maltin. 

Bdejna biex saqsejna lill-Onorevoli Refalo dwar il-problema tal-età fir-raħħala Maltin u Għawdxin. Ir-realtà hi li ħafna minnhom huma kbar fl-età u ftit huma dawk iż-żgħażagħ li qegħdin jidħlu għal dan ix-xogħol. Skont stħarriġ li sar fl-Unjoni Ewropea, l-età medja tal-persuni f’dan il-qasam hija bejn il-50 u s-60 sena. 

Iżda l-mistoqsija pertinenti hi din. X’qiegħed isir biex nattiraw liż-żgħażagħ jidħlu għal dan ix-xogħol tant impenjattiv?

“Nibda biex ngħid li kellna problema kbira ta’ negozjati mal-Unjoni Ewropea speċjalment favur pakkett sostenibbli u li jħares lejn futur sod f’din l-industrija. B’xorti ħażina, dan is-settur tħalla għal riħu għal numru ta’ snin u għalhekk sibna diversi problemi li ilhom jakkumulaw mhux ħażin. Litteralment kellna battalja mal-Unjoni Ewropea minħabba li bħala pajjiż bdejna naqbżu għad-drittijiet tagħna speċjalment fid-dawl li l-ġwież u l-fertilizzanti qegħdin jogħlew kontinwament. Spjegajna li r-raħħala ma jistgħux ikampaw b’dawn l-ispejjeż kollha u kien għalhekk li bdejna nwissu li jekk ma jkunx hemm għajnuna, konna se nitilfu aktar nies f’dan il-qasam. Żgur li ma rridux li aktar nies jisparixxu minn din l-industrija.”

Anton Refalo sostna li ħafna jsemmu lill-gvern li seta’ kien responsabbli minn dan li qed jiġri iżda hu tenna li b’xorti ħażina ħafna min-negozjati li jkunu qed jagħmlu jridu jiġu approvati mill-Unjoni Ewropea. Hu semma’ bi kburija li bħala gvern ħadem kemm felaħ sabiex iġibu t-tielet pakkett finanzjarju li jammonta għal €4 miljuni. Hu qal li l-gvern jgħin kemm jista’ iżda l-Unjoni Ewropea trid iddaħħalha f’rasha li l-bżonnijiet ta’ pajjiżi kbar mhux l-istess bżonnijiet ta’ Malta. Bl-Ingliż nsejħulha one size fits all li din żgur li mhux politika ġusta. 

Il-Ministru Refalo qal li l-pandemija tal-COVID-19 ħarbtet lil kulħadd u r-raħħala, bdiewa u sajjieda mhux b’inqas. Ċertament li ntilfu diversi nies f’dawn is-sentejn u għalhekk li bħala gvern kien hemm għajnuna li kienet importanti u kruċjali. Hu faħħar ukoll lill-Prim Ministru Robert Abela li wkoll intervjena sabiex dan is-settur jibqa’ wieħed sostenibbli.

Anton Refalo sostna li minbarra l-għajnuna li ngħatat, inħareġ dan il-fond ta’ għajnuna bħala parti mill-fond ta’ rkupru. Hu fisser kif iż-żewġ pakketti finanzjarji li nħarġu u dak li se jkun qiegħed jinħareġ fil-ġimgħat li ġejjin, dejjem kienu jammontaw għal €4 miljuni sabiex il-gvern se jkun ta madwar €12-il miljun bħala finanzi. 

“Il-gvern kien dejjem ma’ dawn in-nies għax dejjem ridna nkomplu nsostnu s-settur tal-biedja u s-sajd li ħa daqqa wkoll waqt il-pandemija.

Konxji li l-prezzijiet tal-ġwież splodew, ma nistgħux nistrieħu fuq il-fatt li dan huwa tort tal-materja prima li qiegħda tiġi ogħla minħabba jew li għola l-prezz tat-trasport minn barra. Staqsejna lill-Ministru  dwar il-pjan tal-gvern biex jassigura li dawn ir-raħħala ma jispiċċawx iżarmaw minħabba l-ispejjeż li qegħdin jibqgħu jiżdiedu.

“Intenni li l-Unjoni Ewropea għadha mhux qed tagħti sussidju fuq il-ġwież. Bħala gvern qed ninsistu sabiex dan isir u għalhekk li aħna mhux se naqtgħu qalbna u se nkomplu nirsistu sabiex inkomplu ntejbu l-kundizzjonijiet tal-bdiewa u r-raħħala tagħna.”

M’hemmx dubju li dan il-gvern jibqa’ mfakkar għall-impenn tiegħu biex il-parti l-kbira tar-raħħala ngħataw għajnuna għall-investimenti li għamlu fl-irziezet tagħhom. Dan is-sit jinsab infurmat li hemm numru ta’ raħħala li baqgħu barra mill-iskema ta’ għajnuna fuq it-tined biex jingħataw nofs l-ispejjeż (sa massimu ta’ €300,000). 

Dwar dawn, il-Ministru Refalo qal li dawn kellhom problema speċjali u għalhekk qabel ma kellhom kollox kif suppost ma setgħux japplikaw. Meta mbagħad kollox kien skont ir-regoli, laħqet għalqet din l-għajnuna. Huwa għalhekk li qed ikun hemm diskussjonijiet kontinwi bejn iż-żewġ partijiet sabiex tinstab soluzzjoni. L-onorevoli Refalo qal li hu pożittiv li fiż-żmien li ġej il-gvern se jkun qed jaħseb anke għal dawn l-grupp ta’ raħħala li spiċċaw nefqu kulma kellhom fl-irziezet tagħhom u qegħdin jaffaċċjaw sfidi finanzjarji minħabba li l-ispejjeż fis-settur komplew jogħlew biex seta’ jintlaħaq l-istandard mitlub mill-Unjoni Ewropea.

Fl-istess waqt hemm mas-70 fil-mija ta’ dawn ir-raħħala li fost dawn l-isfidi kollha ta’ kuljum qegħdin ibatu l-inċertezza tar-razzett tagħhom. Dawn ilhom aktar minn erba’ snin jiddjalogaw mal-awtoritajiet bit-tama li jingħataw titlu tal-art tagħhom li jkun jista’ jagħtihom serħan il-moħħ li ma jispiċċawx jitilfu dak kollu li jinvestu fl-irziezet tagħhom.

F’dan ir-rigward Anton Refalo qal li għal snin twal il-bdiewa ma kellhomx titlu ta’ ċens. Sadanittant hu bħala ministru responsabbli mill-biedja, ħadem qatigħ sabiex ġew approvati xi titli sabiex l-art tkun tagħhom. Għalih dan hu pass kbir għax il-bdiewa jistgħu jserrħu rashom li l-investiment li għamlu f’dawn l-aħħar snin sabiex ikollhom l-uċuħ tar-raba’ tal-aqwa kwalità ma jsirilhomx suf. Il-Ministru qal li dawn ir-raħħala kienu qegħdin jaffaċċjaw problema kbira anke meta jiġu biex jieħdu self biex jinvestu minħabba li kienu mingħajr titlu tal-art tagħhom. Il-Ministru ħabbar b’sodisfazzjon li fil-ġimgħat li ġejjin, dawn ir-raħħala se jkunu qegħdin jiġu msejħin grupp grupp biex finalment inkunu jistgħu jingħataw it-titlu tal-art tagħhom.

Fl-aħħar xhur f’wieħed mid-diskorsi tal-onorevoli Refalo fil-parlament hu kellu kliem ta’ tifħir dwar l-aġenzija tal-pagamenti f’Ta’ Qali. Raħħala li tkellmu magħna jaħsbuha mod ieħor speċjalment wara li baqgħu bla risposta meta ressqu l-ilmenti tagħhom minkejja li sippost dehru quddiem bord li jevalwa s-sitwazzjoni tagħhom.

“L-ewwelnett l-aġenzija konċernata tkellmet mal-individwi konċernati, il-każ ġie appellat u għalhekk hu magħluq. Barra minn hekk dawn l-istess persuni ngħataw raġuni u għalhekk m’hemmx iktar x’inżid f’dan ir-rigward.” Hawnhekk il-Ministru qal li huwa konxju dwar numru ta’ każijiet li għaddew quddiem bord tal-veterinarji li għadhom għaddejjin bl-investigazzjonijiet tagħhom skont il-każi mressqin quddiemhom għall-evalwazzjoni.

Dawn ir-raħħala għamlu jaħdmu kontra kull ostaklu, jaraw kull sitwazzjoni quddiemhom li tniżżilhom għarkupptejhom. Madankollu dawn ir-raħħala huma reżiljenti, ma jiqfux nofs triq u jibqgħu għaddejjin għax għandhom għal qalbhom dan ix-xogħol. Iżda l-mistoqsija l-kbira tibqa’ kif nistgħu nattiraw żgħażagħ lejn dan is-settur tant impenjattiv ta’ ħajja iebsa b’ħinijiet bla limitu fir-razzett.

Il-Ministru wieġeb li għaddejja ħidma biex jitnedew aktar miżuri li jħajru aktar żgħażagħ jieħdu din il-professjoni. Tnediet l-iskema Young Fishermen fis-settur tas-sajd fejn tfal u żgħażagħ ikollhom esperjenza diretta ma’ sajjieda u jsiru jafu aktar x’jinvolvi s-sajd.

“Qed naħsbu sabiex ikollna wkoll esperjenza simili fil-biedja fejn qed noffru €500 fix-xahar għal dawk l-istudenti li jinteressaw ruħhom f’dan il-qasam u €200 lil min jgħallmu. Barra minn hekk ma nistgħux ninsew l-iskema tal-Young Farmers  magħrufa aħjar magħhom bħala s-6.1. Għal din l-iskema kienu allokati aktar minn €2 miljuni biex dawk iż-żgħażagħ li jidħlu f’dan is-settur bi pjan sostenibbli, jingħataw €70,000 f’fondi biex ikun jistgħu jagħmlu l-investiment pjanat”.

Il-Ministru Refalo sostna li fil-passat riċenti ffukajna biss fuq setturi partikolari fosthom il-gaming u t-teknoloġija tal-informatika b’diversi żgħażagħ li qabdu dawn it-toroq. Madankollu l-biedja u s-sajd hu fundamentali li jiġi ndukrat iktar u iktar għax fin-nofs hemm ukoll il-prodott lokali li dejjem irid jiġi sostnut.

Semmejna l-prodott lokali. Fl-aħħar nett ma stajniex ma nistaqsux dwar x’qiegħed isir min-naħa tal-gvern biex jippromwovih u biex jassigura li kemm jista’ jkun il-familji Maltin u Għawdxin jagħżlu l-prodott Malti huma jagħmlu x-xirjiet tagħhom.

“Qed nagħmlu ħafna kampanji sabiex il-konsumatur Malti jagħżel prodott lokali u ta’ kwalità. Illum il-ġurnata l-konsumatur irid ikun jaf x’qed jiekol u b’xorti tajba għadu jfittex prodotti li jiġu mkabbra fil-gżejjer Maltin. Bħalma fil-passat nedejna kampanji fis-sajd, l-istess qed nagħmlu fil-biedja fejn l-enfażi hu li nixtru prodotti lokali sabiex dawk li jkabbru u jipproduċu l-uċuħ tar-raba’ jkollhom il-qligħ tagħhom u eventwalment ir-rota tkompli ddur għalihom ukoll.”

Ekonomija

Sport