Sunday, December 22, 2024

“Ara ma tiftaħx ħalqek għax induruk”

Carmen Cachia
Carmen Cachia
Ġurnalista

Aqra wkoll

Erġajna rajna episodji ta’ vjolenza u ġlied fost adoloxxenti. Sitwazzjoni li qiegħda tqajjem tħassib u tallarma fejn hemm min qiegħed jistaqsi f’hiex wasalna bħala soċjetà u għala l-adoloxxenti tagħna qegħdin jirrikorru għal tali aġir abbużiv bejniethom. 

Hemm min isostni li dan it-tip ta’ ġlied kien iseħħ dari wkoll iżda li ma konniex nafu u narahom daqs illum. Huwa minnu fil-fatt li l-midja, b’mod speċjali dik soċjali, illum twassal f’leħħa u għal udjenza ferm aktar wiesgħa dak li qiegħed jiġri madwarna u tali tixrid ta’ informazzjoni, daqs kemm hija tajba, tista’ jkollha effetti negattivi inklużi influwenza ħażina u l-copycat effect. 

Bħal f’każijiet delikati ta’ suwiċidju u/jew  self harm, ir-“reklamar” ta’ tali ġlied, irridu noqogħdulu attenti. Dan bil-għan li ma jkunx hemm min jinfluwenza ruħu u jagħmel l-istess aġir sempliċiment biex jikkopja lil ħaddieħor, jew agħar minnhekk biex “isir famuż”.

Iżda, l-għarfien huwa importanti ħalli bħala soċjetà, inkunu konxji tal-problema u nindirizzawha. Realtà ta’ abbuż u ibbuljar hemm barra teżisti. Proprju biex nifhmu aħjar id-dinja tal-adoloxxenti fejn jidħol ġlied u vjolenza, dan il-ġurnal tkellem ma’ adoloxxent li beda biex spjegalna li t-terminu li jużaw f’każi fejn jiġġieldu f’gangs huwa dak tal-“jumping”. Dan l-adoloxxenti, li xtaq jibqa’ anonimu għax huwa nnifsu jibża’ minn riperkussjonijiet vjolenti jekk jiftaħ ħalqu, qalilna li t-terminu ‘jumping’ jużawh meta jirreferu għal attakk minn grupp fuq persuna waħda.

Ġlied fuq raġunijiet banali…

“Don’t you dare speak or else we jump you (ara ma tiftaħx ħalqek għax induruk). Din mhija xejn għajr twissija li jekk tikxef xi ħaġa, iduruk u jaqbdu jagħtuk. Qalilna li l-ġlied jinqala’ għal diversi raġunijiet bil-maġġorparrti tagħhom ikunu raġunijiet banali fostom nuqqas żgħir ta’ qbil jew inkella għax il-vittma sempliċiment tkun differenti jew ma tinżlilhomx bħala persuna. 

“Ħafna drabi, il-ġlied fi gruppi (gangs) isir biex lill-vittma jduruha… Min jagħti bis-sieq fl-istonku, min jimbotta, min ifajjar bil-ponn fil-wiċċ jew fejn jiġi, min jiġbed ix-xahar, min jigdem u ieħor jieħu ħsieb li jiġbed il-vidjow. Fil-kotra jsibu s-saħħa u jafu li kif iniżlu lil min immarkaw biex isawtuh, dan il-miskin se jaqlagħha sew,” elabora t-tfajjel ta’ 13-il sena. 

Kif jara ġlieda… idawwar denbu ‘l hemm

Huwa spjega li kieku ma jkunux miftiehmin fi grupp meta jiġġieldu, hemm iċ-ċans li l-vittma terbaħ lill-parti opposta u “allura ma jirriskjawx”. Dan l-adoloxxenti li huwa stess, kien f’diversi okkażjonijiet vittma ta’ ibbuljar u swat kemm ġewwa skola kif ukoll fit-triq,stqarr li  li llum il-ġurnata, kif jara ġlieda, idawwar denbu ‘l hemm. 

L-adoloxxent infurmana wkoll li tali “attitudni Amerikana” li jibqgħu mexjin qisu ma jkun qiegħed jiġri xejn erba’ passi minnhom hija adottata minn ħafna adoloxxenti “għax jekk tindaħal taqlagħha inti wkoll. Jekk mhux illum, għada”. 

Tali vjolenza fost l-adoloxenti tagħna hija ta’ tħassib serju għall-President Emmeritu, Marie Louise Coleiro  Preca li min-naħa tagħha twissi li jekk mhux se nindirrizzaw din il-problema, is-soċjetà se jkollha l-problemi. 

“Bżonn ta’ riflessjoni, ħsieb, indaġni u azzjoni…” 

– il-President Emmeritu, Marie Louise Coleiro Preca

“L-inċidenti li dan l-aħħar ta’ spiss nisimgħu bihom, fejn tfal sawwtu tfal oħra bħalhom, fejn tfal qegħdin  jagħmluha ta’ bullies ma’ sħabhom, fejn tfal oħra jipparteċipaw billi jħeġġu l-vjolenza, qiegħda tkun esperjenza spissa f’pajjiżna. Din hija sitwazzjoni inkwetanti u li għandha bżonn ta’ riflessjoni, ħsieb, indaġni u azzjoni,” spjegat il-President Emmeritu.

F’kumment li tat lil dan is-sit, Coleiro Preca qalet li din hija sitwazzjoni inkwetanti mhux biss għax weġġgħu u ġew trawmatizzaw tfal, iżda għax huma tfal ukoll dawk li weġġgħuhom. Hawn hija saħqet li jeħtieġ li nistaqsu għaliex qiegħed jiġri dan. ”Ħadd ma jitwieled vjolenti u bully! It-tfal iġibu ruħhom skont x’jaraw u skont x’jimpressjonahom. F’ċirkostanzi bħal dawn faċli nagħmlu ġudizzju u nagħmlu ta’ spiss ġudizzji.  Illum il-midja soċjali turina biċ-ċar kemm nagħmlu ġudizzji u nagħtu kundanni. Iżda, bil-ġudizzji u l-kundanni fejn qegħdin naslu?” kompliet il-President Emmeritu.

Ikklassifikati bħala l-aktar poplu rrabjat fl-Ewropa

Min-naħa tagħha Coleiro Preca temmen li għandna nagħrblu sew x’qiegħed jiġri madwarna u kkwotat studju li sar ftit ilu fuq livell Ewropew li kklassifikana bħala l-aktar poplu rrabbjat fl-Ewropa. Coleiro Preca staqsiet, “għaliex aħna poplu rrabjat? Nafu x’effett qiegħed ikollha r-rabja tagħna fuq uliedna? X’qegħdin jaraw fina l-kbar it-tfal u ż-żgħażagħ tagħna? Jista’ jkun li r-rabja tagħna l-kbar qiegħda tkun riflessa f’uliedna u qiegħda toħroġ f’agressjoni u fi vjolenza? Ir-rabja mhiex il-kawża, iżda hija effett ta’ kawża. Ma jidhrilniex li wasal iż-żmien li nindagaw x’qiegħed jiġri?”

Il-President Emmeritu qalet li jafu anke minn dak li qegħdin jaraw fl-iskejjel fejn professjonisti psikosoċjali  jgħidulhom li l-kwistjoni tal-imġieba ta’ għadd tta’ tfal saret fost l-aktar kwistjonijiet inkwetanti.

Ngħinu liż-żewġ naħat

Hija wissiset li jekk irridu socjetà li tagħraf tinvesti f’uliedha, jeħtieġ li filwaqt li nagħtu s-sapport li min jisfa vittma tal-vjolenza, irridu nagħtu wkoll l-għajnuna u s-sapport li min iwettaq l-agressjoni u l-vjolenza. 

Dan għax kif spjegat u għalqet bi twissija Marie Louise Coleiro Preca, “bil-Qorti biss ma naslu mkien. Hemm bżonn ta’ aktar ħin mat-tfal fil-familja, mal-ġenituri u ma’ ħuthom. Hemm bżonn ta’ sistema ta’ ġustizzja riparattiva.

Hemm bżonn ta’ sistema edukattiva li tinvesti fit-tfal il-valuri etiċi, tar-rispett, tad-djalogu, tad-dinjità u tal-paċi. Hemm bżonn ninvestu fl-intervent kmieni. Hemm bżonn ta’ aktar investiment fil-professjonijiet fl-oqsma psikosoċjali. Hemm bżonn edukazzjoni biex nibnu kultura ta’ inkluzjoni u ta’ paċi jekk irridu li dan il-pajjiż jibqa’ miexi ‘l quddiem”.

Ekonomija

Sport