Sunday, December 22, 2024

ARA: Malta ssostni li l-forza mhix is-soluzzjoni biex issolvi d-diverġenzi fil-pożizzjonijiet

Il-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Magħquda determinanti biex tgħaddi l-għajnuna umanitarja fis-Sirja wara t-terremoti

Brian Gatt
Brian Gatt
Ġurnalist

Aqra wkoll

Il-messaġġ ta’ Malta huwa li s-sistema multilaterali għandha tkun il-bażi ta’ kif insolvu l-problemi li qegħdin naffaċċjaw fid-dinja. Kemm jekk qegħdin nitkellmu dwar problemi tas-sigurtà u kif ukoll problemi emerġenti bħalma hija t-tibdil fil-klima fost affarijiet oħra. Iddikjara dan il-Kordinatur Politiku tar-Rappreżentanza Maltija għan-Nazzjonijiet Magħquda fi New York Darren Camilleri f’intervista ma’ Talk.mt b’rabta mal-presidenza tagħha fil-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet magħquda fi New York.

YouTube video

Camilleri qal li pajjiżna jemmen fid-djalogu f’livell multilaterali u li kieku ma kellniex sistema multilaterali, kieku d-diskussjonijiet huma kif se noħolqu waħda għax l-isfidi li qegħdin niffaċċjaw bħalissa mhumiex sfidi li pajjiżi jistgħu jsolvuhom b’mod individwali. Huwa qalilna li din mhix sistema li kulħadd lest li jinvesti fiha jew jagħtiha l-importanza kollha. Pajjiżna jemmen li l-forza mhix is-soluzzjoni biex issolvi d-diverġenza fil-pożizzjonijiet u bħala Malta, pajjiżna dejjem kien hemm biex il-multilateraliżmu jissaħħaħ, jissaħħu n-nazzjonijiet magħquda u biex bħala komunità internazzjonali ssib soluzzjonijiet għal problemi globali.

It-terremot li seħħ fit-Turkija u fis-Sirja wkoll kompla biex proprju jaffettwa l-foka tal-Kunsill u proprju fl-aħħar jiem il-Kunsill tas-Sigurtà kellu jiltaqa’ sabiex jassigura ruħu li l-mekkaniżmu li kien ġie stabbilit sabiex tgħaddi assistenza umanitarja mit-Turkija għal gewwa l-majjistral tas-Sirja minħabba l-gwerra jibqa’ jiffunzjona mingħajr xkiel. Camilleri fakkar li s-Sirja ilha għaddejja għal dawn l-aħħar 12-il sena f’kunflitti fejn apparti l-kriżi umanitarja, issa kellha kriżi fuq kriżi minħabba terremot fuq il-konsegwenzi tal-kunflitt. Ir-reġjun milqut kellu problema kbira biex jirċievi assistenza umanitarja min-naħa tal-gvern għax jinsab f’reġjun li huwa kontrollat mir-ribelli. Camilleri qalilna li sfortunatament fit-terremot il-crossing point ġie affettwat u għalhekk issejħet laqgħa straordinarja ta’ emerġenza biex tkun analizzata s-sitwazzjoni. Il-gvern li huwa dejjem kontra dan l-istess crossing point għax jargumenta li jmur kontra s-sovranità Sirjana u li l-għajnuna umanitarja għandha tgħaddi kollha minn Damasku, aċċetta li jinfetħu żewġ crossing points oħra. Għalkemm għalissa l-Kunsill ma kellux bżonn jieħu deċiżjoni jekk imurx għal riżoluzzjoni oħra. Camilleri sostna li l-pressjoni tal-Kunsill ma ssirx biss mill-Kunsill kif ikun qiegħed jitkellem, imma anke mill-Kunsill kif ikun qiegħed jippożizzjona ruħu għal ċertu avvenimenti.

Mistoqsi tal-presidenza ta’ Malta f’dan il-Kunsill, Camilleri qal li dan huwa wieħed prestiġjuż għal Malta anke minħabba li huwa l-organu prinċipali tan-Nazzjonijiet magħquda. Ir-rappreżentant Malti qal li pajjiżna f’dan il-Kunsill għandu ħafna xi jwassal anke f’terminu ta’ sustanza u ma jistax jonqos li ħafna xogħol ilu għaddej għal xhur sħaħ issa biex pajjiżna seta’ jippreżenta l-viżjoni tiegħu. Malta rnexxielha tressaq temi fejn il-pożizzjoni ta’ pajjiżna kienet waħda preparata għal deċiżjonijiet diffiċli u kellna kuntest tajjeb biex inwieġbu għal diversi sfidi li qegħdin naffaċċjaw.

Il-Kordinatur Politiku tar-Rappreżentanza Maltija għan-Nazzjonijiet Magħquda fi New York, Darren Camilleri

Rigward il-preparazzjoni, Camilleri qal li pajjiżna ried ikun preparat għall-proċeduri u anke familjari mal-proċeduri tal-Kunsill anke fejn jidħlu negozjati biex tressaq xi riżuluzzjoni. Huwa qal li dan il-Kunsill huwa investiment importanti għal pajjiżna u fis-sentejn li ġejjin se jkollna l-għajnejn fuqna, iżda se jkunu kruċjali biex wara li jispiċċa dan it-terminu, nsaħħu politika barranija mill-iktar b’saħħitha u nġibu l-kapaċità li naġixxu b’mod mill-iktar infurmat.

Rigward il-fatt li Malta ma kinitx ikkontestata, Camilleri saħaq li din turi livell ta’ fiduċja li pajjiżi oħra ħassew li ma kellhomx jikkontestawna.

Kompla biex jgħid li kieku aħna kellna pożizzjonijiet li jistgħu jkunu ta’ detriment għal pajjiżi oħra jew mhux ta’ min joqgħod fuqhom, pajjiżi oħra seta’ kellhom l-interessi tagħhom illi l-pożizzjoni tagħhom ma jkunux jixtiequha tiġi riflessa fl-istess Kunsill. Kien hemm perjodu ta’ snin li setgħu jikkontestawha iżda ma għamlux dan u dan juri li hemm fiduċja fil-grupp li Malta tista’ tmexxi l-prinċipji Ewropej ’il quddiem.

Mistoqsi dwar is-suġġetti prinċipali, Camilleri qalilna li t-tfal fil-Kunflitti hija prijorità f’dan il-Kunsill u l-istess it-Tibdil fil-Klima u l-Oċeani wkoll huwa suġġett ieħor importanti. Minbarra dawn hemm ħafna affarijiet oħrajn fosthom kunflitti madwar id-dinja, kunflitti fl-Afrika ta’ Fuq, tħassib ta’ tfigħ ta’ missili, l-Afganistan u s-sitwazzjoni traġika tan-nisa li wkoll qiegħed jiffoka ħafna fuqha. Fir-reġjun tal-mediterran huwa qalilna li dan huwa reġjun importanti ħafna fosthom minħabba s-sitwazzjoni fil-Libja, fil-Lvabt Nofsani, fis-Sirja, fil-Lebanon u fil-Yemen, mingħajr ma wieħed jinsa l-kunflitt fil-Ukrajna minħabba r-riperkussjonijiet li se jkompli jkollu fuq il-bqija tad-dinja fosthom minħabba sorsi ta’ enerġija u anke esportazzjoni tal-ikel.

Dan is-sit tkellem ma’ Camilleri wkoll dwar kif it-tim Malti jaħdem biex janalizza kull dokument li jiġi ċċekkjat minn tim ta’ esperjenzi fejn kulħadd jispeċjalizza f’suġġetti varji biex anke jiġi determinat kif dokument ikun se jimpatta kunflitt partikolari, iżda anke kif se jkollu impatt fuq affarijiet oħra li jkunu għaddejjin fil-Kunsill.

“Kont f’negozjati, u m’iniex qiegħed nesagera, li ma taqbilx minħabba f’koma jew kelma minflok oħra u għalhekk id-dettalji huma importanti ħafna f’dawn in-negozjati”, temm isostni Camilleri.

Ekonomija

Sport