Dan is-sit jinsab infurmat li fl-aħħar ħin għadha kemm intalbet l-assistenza tad-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili sabiex ġiet salvata mara minn fuq jott li kien qed isalpa ‘l barra mid-Dwejra. Fl-inċident intervjenew ukoll uffiċjali tal-Forzi Armati ta’ Malta (AFM).
Mill-ewwel informazzjoni li kiseb dan is-sit jidher li għal xi raġuni l-mara, ta’ nazzjonalità Franċiża, waqgħet u sofriet xi ġrieħi.
Dawk li kienu qed jakkumpanjaw lill-mara ngħataw struzzjonijiet biex jersqu kemm jista’ jkun qrib il-blat. Huma waqqfu l-jott wara l-Ġebla tal-Ġeneral u l-Uffiċjali tal-Protezzjoni Ċivili ħarġu għaliha b’dinghy.
Fuq il-post kien hemm tim mediku sabiex jagħtiha l-ewwel għajnuna sakemm setgħet tittieħed lejn l-Isptar Ġenerali t’Għawdex. Talk.mt għandu informazzjoni li l-mara sofriet ġrieħi gravi.
L-investigazzjonijiet tal-Pulizija b’rabta ma’ dan il-każ għadhom għaddejjin.