It-tieni anzjana li żorna, din id-darba f’Żejtun Home, hija Bernardette Bonnici, li kienet mara tad-dar oriġinarjament mill-Marsa. Għalkemm mistħija u eċċitata ħafna, Bernardette bi pjaċir kellmitna dwar x’tiftakar hija minn dak il-jum partikolari ta’ Santa Marija tal-1942.
Hija li kienet għadha daqsxejn ta’ tifla ċkejkna ta’ sitt snin meta fl-aħħar il-Maltin raw vapur Ingliż dieħel bil-provisti, qaltilna li missierha kien ħadha fi triq, li wara saret taf li hija Triq il-Kurċifiss u rat il-vapur dieħel. Hawnhekk tiftakar kemm kien hemm ferħ fost folla kbira ta’ nies ixejru imkatar bojod u tiftakar ukoll meta fil-Belt in-nies għamlu pupazz ta’ Mussolini b’ħabel imdawwar m’għonqu u bdew ikaxkruh fit-toroq. Qaltilna li din saret proprju qabel mal-istess Mussolini kien dar mal-Ingliżi.
“Kien hemm kwantità kbira ta’ nies u li rajt dakinhar kien tal-għaġeb. Kieku ma daħalx ma kienx ikollna biex niddefendu lilna nfusna u biex nieklu. Missieri kien jgħidli li m’għandniex x’nieklu. Niftakru sew il-ġuħ u niftakar aktar lil ommi tibki għax ma kellhiex x’tagħtina. Immaġina, meta kienet taqa’ farka mal-art, oħti kienet tiġborha u tikolha,” kompliet din l-anzjana.
Barra l-ġuħ, Bernardette tiftakar għaks u perikli kbar fi żmien it-Tieni Gwerra Dinjija. Barra li n-nies kienu rqaq ħafna u kellhom problema kbira bl-iscabbies, din l-anzjana tiftakar ukoll li meta kien jaqa’ xi bini bil-bombi, kienu jidħlu n-nies jisirqu li jkun hemm ġewwa. Dan minħabba li l-Maltin dak iż-żmien kienu f’sitwazzjoni verament iddisprata.
“Niftakar li l-għadu kien jitfa’ l-hand grenades fil-btieħi u kienu joħorġuna barra mid-djar ħalli jisploduhom biex ma nweġġgħux. Darba minnhom ommi kienet il-quddiesa u smajna li waqgħet bomba fil-knisja fejn kienet. Ħadna qatgħa u kollha morna niġru biex naraw kif inhi u jekk għadhiex ħajja. Kien hemm sitwazzjoni oħra ferm perikoluża meta bomba laqtgħet il-bokka tax-xelter minħabba li ma stajniex noħorġu u ma stajniex lanqas nieħdu nifs,” sostniet din l-anzjana.
Omm ta’ tlett itfal, Bernardette rrakkontat kif Malta damet fl-għaks u dan anke wara li spiċċat il-gwerra. Hija żiedet li, “dak iż-żmien kulħadd kien jiġbed lejl u kellna ħafna black market. Kollox kien bil-għoli u llegali. Il-gwerra lil min faqqritu u lil min għamlitu sinjur. Iż-żgħażagħ tal-lum iridu jirringrazzjaw lil Alla kif qegħdin għax kieku kienu jgħixu f’dawk iż-żminijiet, kienu jkunu jafu kemm kien żmien ikrah. Jien naf f’hiex konna… Aħna kellna noqogħdu għall-gwerra għax ma kellniex għażla oħra”.
’Sparawlu, sparawlu’
Hawnhekk hija stqarret li kienet tħoss rabja kbira għas-suldati Ġermaniżi u tiftakar li meta kien jgħaddi xi ajruplan tal-għadu kulħadd kien jgħajjat ’sparawlu, sparawlu’. “Dak il-ħin ma tgħidx li mhuwiex it-tort tiegħu u tħoss dik ir-rabja. Mhux bħal-lum. Illum naf li dawk is-suldati kienu mqabbdin mill-kbarat tagħhom,” spjegat din l-anzjana.
B’idejha fuq xulxin u xi kultant torokhom minħabba l-eċċitament, fl-aħħar tal-intervista Bernardette riedet tiġbed l-attenzjoni għall-fatt importanti ħafna għaliha. Hija qalet li, “meta kien hawn il-Covid-19 kont nisma’ lin-nies jgħidu li konna fi gwerra iżda kont ngħidilhom mela le… tgħid mhux se tqabbilhom hekk!” Dan minħabba li għaliha it-theddida tal-virus assolutament ma tistax tkun imqabbla u meqjusa fuq l-istess livell mal-kruha esaġerata ta’ gwerra “vera”.
Hawn ma nagħtuhiex tort. Dolores u Bernardette, kif ukoll il-Maltin kollha inkluża l-ġenerazzjoni tagħhom li fl-innoċenza tat-tfulija raw u sofrew dawn it-tbatijiet kollha fi żmien it-Tieni Gwerra Dinjija, jafu x’inhuma jgħidu. Dan għax huma, sempliċiment għexu l-Gwerra. Aħna nistgħu biss nitgħallmu u nifhmu aħjar l-Istorja ta’ ġensna mir-rakkonti prezzjużi tal-anzjani tagħna. Għal dan, nirringrazzjaw lil dawn iż-żewġ anzjani li laqgħu l-istedina ta’ talk.mt biex inwasslu dan it-tagħrif interessanti lill-qarrejja kollha tagħna.