Saturday, October 26, 2024

ARA: “Mhux se jkun l-ikbar kunċert possibbli imma se jkollna mużika klassika b’melodiji mill-isbaħ”

Joseph Calleja dwar il-kunċert tiegħu u tat-tenur Placido Domingo fil-Forti Manoel

Aqra wkoll

Illum it-Tlieta 25 ta’ Lulju se jsir il-kunċert annwali ta’ Joseph Calleja fil-Forti Manoel fejn flimkien miegħu se jkanta t-tenur magħruf Placido Domingo. Din is-sena Calleja se jkun akkumpanjat minn żewġ diretturi tal-orkestra magħrufa fil-kunċert tal-25 anniversarju tiegħu u dawn huma Sergey Smbatyan, direttur Artistiku tal-Orkestra Sinfonika tal-Istat Armen u d-Direttur Prinċipali tal-Orkestra Filarmonika ta’ Malta u Ramon Tebar, li diġà kkollabora ma’ Calleja fil-passat.

Smbatyan se jmexxi l-Orkestra Nazzjonali bi klassiċi tal-opra bħal Dei Miei Bollenti Spiriti minn La Traviata kif ukoll Maria u Tonight mill-musical West Side Story.

Min-naħa tiegħu, Tebar se jkun qed imexxi l-klassiċi Spanjoli ta’ suċċess kbir bħal Granada u Aranjuez, kif ukoll numru ta’ klassiċi tal-opra popolari oħra.

Is-sehem ta’ dawn iż-żewġ diretturi tal-orkestra magħrufa saret possibbli bl-appoġġ tal-President tal-Fondazzjoni Ewropea għall-Appoġġ tal-Kultura, Konstantin Ishkhanov.

Dan is-sit tkellem ma’ Joseph Calleja li kien ferm kuntent li kompla bit-tradizzjoni tiegħu li jorganizza dawn it-tip ta’ kunċerti.

“Mhux se jkun l-ikbar kunċert possibbli minħabba li wara l-pandemija tal-COVID-19 bdejna bil-mod il-mod inkabbru iżda mingħajr ma neżaġeraw. Se jkollna mużika klassika fl-aqwa tagħha b’melodiji mill-isbaħ fejn l-udjenza se tinteraġixxi sew b’diversi kompożizzjonijiet magħrufa li jolqtu l-gosti ta’ kulħadd.”

“Kuntrarju għas-soltu mhux se jkollna xi artisti magħrufa bħalma kellna fil-passat għalkemm kantanti lokali se jkunu qed jagħtu l-interpretazzjoni tagħhom filwaqt li jżewqu kunċert li għandu jkun suċċess.”

Dwar Placido Domingo bħala tenur u Sergey Smbatyan u Ramon Tebar bħala diretturi tal-orkesta, Calleja qal li dawn l-artisti m’għandhom bżonn tal-ebda introduzzjoni u ċert li se jkunu qed jagħtu sehemhom għal serata memorabbli.

Mistoqsi dwar il-fatt li riċentement kellu l-COVID-19, Joseph Calleja qal li dan il-fatt ma tantx effettwah tajjeb speċjalment fil-kordi vokali iżda bil-mod il-mod beda ġej lura kif xtaq u issa lest sabiex joħloq serata mill-isbaħ għal kull min se jattendi.

Tkellimna wkoll mal-Ministru għat-Turiżmu l-Onorevoli Clayton Bartolo fejn dan qal li kunċert annwali bħal ta’ Joseph Calleja jagħtu dimensjoni sabiħa lil pajjiżna filwaqt li jgħin f’żewġ fatturi partikolari u dawn huma l-kwalita’ u l-konsistenza.

“Il-kwalità ta’ Joseph Calleja hi ferm magħrufa mhux biss lokalment iżda wkoll internazzjonalment. Għalhekk m’hemmx diskussjoni fuq x’se nesperjenzaw filgħaxija. Barra minn hekk nara l-konsistenza f’dak li jorganizza fejn minn sena għal oħra dejjem itejjeb il-prodott tiegħu, xi ħaġa li ġġib lejha numru kbir ta’ segwaċi li jiġu jaraw dak li joffri fuq il-palk.”

Hu temm jgħid li kunċerti bħal dawn juru wkoll li Malta kapaċi toffri varjetà differenti fl-istili mużikali u stieden lil dawk dilettanti tal-mużika klassika sabiex jattendu għax jafu żgur li se jaraw kunċert ta’ kwalità minn tenur professjonali u li fuq kollox iħobb lil Malta.

Sport