Mill-inqas 32 persuna mietu wara li ċeda pont fl-Istat ta’ Gujarat fl-Indja. Dan l-inċident seħħ proprju ftit jiem biss wara li dan il-pont reġa’ infetaħ wara żmien ta’ tiswijiet.
Filwaqt li mijiet ta’ persuni spiċċaw fix-xmara Macchu fir-raħal ta’ Morbi, filmati fuq il-midja soċjali wrew persuni oħrajn imdendlin mal-pont li spiċċa nofsu mgħerreq.
Skont rapporti jidher li kien hemm mal-400 persuna fuq l-imsemmija struttura meta seħħ l-inċident u li minnufih bdew l-operazzjonijiet ta’ salvataġġ.
Il-pont li hu stmat li fih madwar 230 metru huwa tal-era kolonjali u nbena fis-seklu 19 meta l-Ingilterra kienet tmexxi l-pajjiż.
Il-Prim Ministru Injan Naredra Modi esprima d-dieqa tiegħu għal dan l-inċident u qal li se jkun qiegħed jagħti kumpens lil dawk li ndarbu kif ukoll lill-qraba tal-vittmi f’din it-traġedja.