Mill-inqas żewġ persuni mietu wara li żewġ ajruplani antiki ta’ żmien it-Tieni Gwerra Dinjija ħabtu u ġġarrfu fl-ajru waqt wirja tal-ajru fl-istat ta’ Texas.
Filmati li bdew jiċċirkolaw fil-midja juru l-ajruplani jolqtu lil xulxin f’altitudni baxxa, b’wieħed minnhom jinqasam min-nofs u jikkawża daħna kbira bin-nirien malli spiċċa fl-art.
L-ajruplani – wieħed minnhom Boeing B-17 Flying Fortress – kienu qed jieħdu sehem fi spettaklu tal-ajru kommemorattiv qrib Dallas.
L-Allied Pilots Association, li tirrappreżenta lill-bdoti tal-American Airlines, qalet li Terry Barker u Len Root – tnejn mill-eks membri tagħha – kienu fost nies li mietu fil-ħabta.
Chris Kratovil kien fost il-folla ta’ bejn 4,000 u 6,000 persuna li nġabru biex isegwu l-Wings Over Dallas Airshow u qal li qatt ma ra folla daqstant kbira ssummata għal ċertu ħin wara dak li kien għadu kemm seħħ.
“Minn folla pjuttost eċitata, enerġetika… għal silenzju u kwiet sħiħ, u ħafna nies, inkluż jien stess, dawru lil uliedhom lejhom u ’l bogħod mill-airfield għax kien hemm fdalijiet għadhom qed jaqbdu f’nofs l-airfield”, tenna Kratovil.
L-Amministrazzjoni Federali tal-Avjazzjoni qalet li se tinvestiga l-ħabta fl-avveniment ta’ tlett ijiem, li jiddeskrivi lilha nnifisha bħala l-ispettaklu tal-ajru premiere tat-tieni gwerra tal-Istati Uniti u li kien qed isir f’unur Jum il-Veterani,
Il-bomber B-17 kellu rwol ewlieni fir-rebħ tal-gwerra bl-ajru kontra l-Ġermanja fit-Tieni Gwerra Dinjija.
It-tieni ajruplan, P-63 Kingcobra, kien ajruplan tal-ġlied użat fl-istess gwerra, iżda kien użat biss mill-Forza tal-Ajru Sovjetika.
Hank Coates – wieħed mill-organizzaturi tal-avveniment qal li normalment il-B-17 ikollu ekwipaġġ ta’ madwar erba’ sa ħames persuni, filwaqt li l-P-63 għandu bdot wieħed.
Minkejja li kkonferma li ħadd minn dawk li nġabru biex igawdu dan l-avveniment ma weġġa’ f’dan l-avveniment, huwa ma kienx fi stadju jikkonferma kemm kien hemm persuni li tilfu ħajjithom f’dan l-inċident.