Thursday, December 26, 2024

ARA: Minkejja li ilu 70 sena li emigra lejn l-Awstralja, jgħid li għadu jħossu Malti

Anthony Falzon: "Il-Malti għandu jkompli għall-ġenerazzjonijiet futuri"

Aqra wkoll

Is-snin 50 u 60 tas-seklu 20 kienu pjuttost diffiċli għall-Maltin, speċjalment minn perspettiva ekonomika. Kien hawn rata għolja ta’ qgħad u dawk il-ftit Maltin li kellhom impjieg ma kinux jaqilgħuha tajjeb.

Hawnhekk tajjeb li jissemma wkoll illi lejn l-aħħar tas-snin 50, l-Ewropa kienet għaddejja mill-fażi tal-‘baby boom’ minħabba d-daqqa ta’ ħarta li ħadet il-popolazzjoni kawża tal-ammont kbir ta’ persuni li tilfu ħajjithom fit-Tieni Gwerra Dinjija. Dan minnu nnifsu kien jitfa’ ċertu pressjoni biex il-familji jlaħħqu mal-piż finanzjarju.

Għalhekk dan wassal għall-ftuħ ta’ niċċa ġdida fil-ħajja soċjali: it-twelid tal-emigrazzjoni biex il-kap tal-familja jkun jista’ jmantni lil martu u lil uliedu.
M’għandniex xi ngħidu, din ma kinitx sitwazzjoni faċli li tinfired minn familtek u minn pajjiżek. Wieħed mill-iktar pajjiżi popolari mal-Maltin kien l-Awstralja minħabba l-qrubija fil-klima. Il-Maltin normalment meta jaslu kienu jfittxu kenn f’Melbourne jew f’Sydney.

Minn Malta għal emigranti fl-Awstralja…

“Niftakar qabel ma tlaqna lin-nanna tbusni u tgħannaqni … niftakarna niżlin mil-lift tal-Belt tal-Barrakka ta’ Fuq. Ħadna ritratt … tlajna fuq id-dgħajsa,” fisser Anthony Falzon b’ċertu nostalġija waqt intervista li kellu ma’ Talk.mt.

Anthony huwa pensjonant ta’ 74 sena li fl-età tenera t’erba’ snin kellu jħalli art twelidu sabiex jemigra ma’ familtu lejn l-Awstralja bil-għan li jsibu għajxien ta’ ħajja aħjar mill-qagħda miżera li kien hawn f’pajjiżna.

Missieru kien mar Melbourne qabilhom, u meta wasal iż-żmien opportun kien bagħat għalih, għal ommu u għal ħutu biex jitilgħuh ħdejh u jibdew ħajja ġdida: “Iltaqa’ magħha hemmhekk biex jilħaq isibilna fejn noqogħdu fl-Awstralja”.

Minn dak li rrakkuntalna Anthony, hu flimkien mal-kumplament tal-membri tal-familja, għamlu bejn tliet ġimgħat u xahar jgħixu huma l-ħamsa f’kamra waħda sakemm laħqu warrbu xi ftit tal-flus biex ikunu jistgħu jikru appartament. F’dan l-appartament damu xi sena, u eventwalment ġemmgħu biżżejjed flus biex xtraw dar fi Flamington (Victoria) u marru jgħixu fiha lkoll għal perjodu ta’ bejn tlieta u erba’ snin. Minn hemm irħewlha lejn Glenroy (f’Melbourne, Victoria) fejn qattgħu madwar 15-il sena minn ħajjithom.

Dan il-post ċertament li għandu sinifikat speċjali għal Anthony, hekk kif kien propju fi Glenroy li huwa ltaqa’ mal-imħabba ta’ ħajtu — Cecilia Falzon, Maltija wkoll, li telgħet l-Awstralja mal-ġenituri tagħha xi 11-il sena wara li emigra Anthony; it-tnejn li huma għandhom ċittadinanza doppja. Illum il-ġurnata ilhom 52 sena miżżewġin, ġenituri ta’ żewġt itfal u nanniet ta’ tliet neputijiet.

Meta żżewġu, Anthony u Cecilia marru jgħixu North Altona. Dak iż-żmien huwa kien jaħdem bħala inġinier u rtira fl-età ta’ 50 sena. Minn hemm fetaħ negozju għal rasu u għadu sal-ġurnata tal-lum jinvolvi ruħu fil-kumpanija tiegħu minkejja li refa’ mix-xogħol.

Il-konservazzjoni tal-ilsien matern fl-Awstralja

Għalkemm ħajjithom kienet ibbażata fl-Awstralja, xorta baqgħu jħossu ġibda naturali lejn pajjiżna. Infatti, kemm jista’ jkun, Anthony u Cecilia jippruvaw iżommu appuntament annwali biex iqattgħu madwar erba’ jew ħames xhur jgħixu Malta għaż-żmien tas-sajf, imbagħad jirritornaw lura fi Queensland, l-Awstralja, biex igawdu s-sajf t’hemmhekk.

Infatti, seba’ snin ilu ħassew li jkun iżjed utli jekk jixtru post hawn Malta u jħalluh għall-villeġġjatura sabiex jiffrankaw il-ġenn li jgħaddu minnu biex isibu post għal dak it-tul ta’ żmien. F’intervent li għamlet Cecilia waqt l-intervista, qaltilna li l-hena tagħha tivvjaġġa b’tal-linja matul iż-żjara tagħha f’Malta sabiex toqgħod tisma’ lill-Maltin jitkellmu bil-Malti.

B’rabta ma’ dan, Anthony saħaq li meta emigraw lejn l-Awstralja, hu flimkien mal-ġenituri tiegħu u ż-żewġ ħutu baqgħu jitkellmu bl-ilsien matern: il-Malti. L-Ingliż kienu jitkellmuh f’sitwazzjonijiet partikolari fejn dak li jkun ma jkunx jaf bil-Malti: “Meta niltaqgħu ma’ xi Malti, dejjem bil-Malti nitkellmu … bqajna s’issa”.

“Lin-neputijiet tagħna bil-Malti nkellmuhom, anki lit-tfal tagħna, biex ma jintilifx,” sostna Anthony. Saħansitra, hawnhekk Cecilia qaltilna li fi żjara minnhom meta wliedhom kienu għadhom żgħar, lit-tfal bagħtuhom l-iskola f’Malta stess. “It-tfal tagħna meta marru l-iskola  [fl-Awstralja] lanqas kienu jafu bl-Ingliż,” żied jgħid Anthony, tant li ġew esposti għal din il-lingwa “barranija” propju meta bdew jattendu l-iskola.

“Aħna Maltin … ili hemm 70 sena u xorta nħossni li għadni Malti minn ġewwa,” esprima b’ċertu patrijottiżmu lejn Malta u l-lingwa Maltija. Mill-banda l-oħra esprima d-diqa kbira li jħoss meta l-Maltin stess ma jkellmux lil uliedhom bil-Malti: “Hawnhekk l-istess. Aħna indunajna meta niġu hawn li n-nies lit-tfal tagħhom ikellmuhom bl-Ingliż”.

Qalilna li meta jiġri dan, hu u martu jistaqsu lilhom infushom għalfejn il-Maltin jagħżlu li jkellmu lil uliedhom b’lingwa barranija ġo pajjiżhom stess għad-detriment ta’ lsienna: “Ma narahiex sewwa. Il-Malti għandu jkompli għall-ġenerazzjonijiet futuri, għax se jintesa, kulħadd jitkellem bl-Ingliż”.

Intant, meta mistoqsija jekk jitħajrux jgħixu l-kumplament ta’ ħajjithom f’Malta, it-tnejn li huma qalulna li dan il-fattur inkwetanti dwar it-tħaddim tal-lingwa huwa raġuni minnhom li żammithom milli jqattgħu l-aħħar snin ta’ ħajjithom f’art twelidhom.

Ekonomija

Sport