Friday, December 27, 2024

ARA: Minn pandemija għal endemija bis-saħħa tal-vaċċin

Aqra wkoll

Id-diskussjoni dwar jekk il-pandemija tal-Covid-19 għandhiex tinbidel f’endemija tista’ ssir f’pajjiżna għaliex għandna l-vaċċin u għaliex pajjiżna kellu pjan ta’ tilqim li mexa b’saħħtu ħafna, kemm għall-ewwel u t-tieni doża kif ukoll għall-booster.

Iddikjara dan il-Prim Ministru Robert Abela meta kien qed iwieġeb mistoqsijiet li sarulu minn dan is-sit fi tmiem konferenza stampa fejn ħabbar miżuri ta’ €70 miljun li se jmorru fil-bwiet tan-nies. Huwa qal li d-diskussjoni dwar il-pandemija tinqelibx għal endemija hi waħda li mhix biss lokali imma wkoll fuq livell internazzjonali.

YouTube video

Huwa ta l-eżempju ta’ Spanja fejn il-Prim Ministru Sanchez beda din id-diskussjoni u qal li jrid jimxi ‘l quddiem dwarha. Dr Abela tenna li l-istess qed isir f’pajjiżna. “L-awtoritajiet tas-saħħa fil-mument li dejjem qed innaqqsu r-restrizzjonijiet u qed nifhmu l-importanza tat-teħid tal-vaċċin imma li rridu nkomplu mexjin fit-triq tan-normalità, allura huwa minn ewl id-dinja li dik id-diskussjoni se tibqa’ miexja ‘l quddiem,” qal il-Prim Ministru. 

“Kif qed juru l-affarijiet, l-element ta’ kawtela jeħtieġ li jibqa’ hemm. Però għandek sentiment ġenerali li l-virus se jibqa’ magħna imma mbagħad kemm aħna kapaċi nadattaw u ngħixu bl-aħjar mod possibbli minkejja l-fatt li l-virus se jibqa’ magħna,” żied jgħid il-Prim Ministru. 

Huwa enfasizza li kieku ma kellniex pjan ta’ vaċċinazzjoni b’saħħtu, kieku llum kien jgħid li din id-diskussjoni lanqas tista’ tinbeda. “Qed naraw pajjiżi oħra madwar id-dinja fejn għad għandhom pressjoni qawwija minħabba l-pandemija. F’pajjiżna r-realtà hi li filwaqt li għadna ma mxejniex lejn normalità sħiħa, mexjin b’mod ċar f’dik id-direzzjoni.”

Ekonomija

Sport