Numru ta’ nagħaġ u mogħoż ilbieraħ taw il-ħajja lill-Għodwa Dinglija organizzata mill-Kunsill Lokali ta’ Ħad-Dingli. Dawn il-bhejjem ġew iġġudikati f’kategoriji differenti ta’ sbuħija kif ukoll skont l-ammont ta’ ħalib li jagħmlu. Kien hemm ukoll it-tqarwiż fejn żagħżugħ qaxxar muntun bil-magna u raħħal anzjan li wera lill-pubbliku kif isir it-tqarwiż bil-ġelem.
Tkellimna ma’ Darryl Grech; konservazzjonist tar-razez indiġeni Maltin spjegalna li sfortunatament ir-razez indiġeni tan-nagħaġ u l-mogħoż qegħdin ikomplu jonqsu.

Filwaqt li resaq biex jiġġudika tliet mogħżiet, Grech spjegalna li waħda mill-karatteristiċi tal-mogħoż Maltin hija li huma midlilin, iġifieri bil-pil tawwali. Bħala statistika, qalilna li hemm dokumentat li fi żmien il-gwerra kien hawn mal-40,000, iżda sfortunatament dan l-ammont huwa ta’ madwar 6,000 mogħża.

Ma setax jonqos li la kien hemm in-nagħaġ u l-mogħoż ikun hemm bejgħ ta’ prodotti bħalma huma ġbejniet ta’ kull tip fosthom dawk nexfin bojod, tal-bżar u bi ħwawar oħrajn f’daqsijiet varji.

Barra minn hekk kien hemm produtturi tal-għasel li wkoll kellhom għall-bejgħ il-prodotti tagħhom, għana, żfin, kant u anke esebizzjoni ta’ artiġjan Malti li għadu jaħdem it-tafal bit-torn.

Dawk li kienu preżenti setgħu jaraw b’għajnejhom u anke jduqu dan u ħafna aktar li kien hemm f’din il-wirja li ġibdet tant persuni lejn Ħad-Dingli.
