Sunday, November 24, 2024

ARA: “Nixtieq niftaħ ristorant b’tank ilma baħar fejn il-klijenti jaqbdu l-ħut biex jordnawh”

Brian Gatt
Brian Gatt
Ġurnalist

Aqra wkoll

Sodisfatt li għeleb l-istigma antika tat-tattoos u fiduċjuż għall-futur

Il-falliment huwa parti kbira min-negozju. Jekk ma tfalli qatt ma tistax tilħaq l-emozzjoni tas-suċċess b’mod sħiħ. Fil-verità li tikber hija fil-moħħ għax tista’ tkun sid ta’ stabbiliment wieħed u tkun sodisfatt iżjed minn xi ħadd ferm ikbar.” 

Hekk beda biex jgħid ma’ dan is-sit Daniel Borg Cardona, sid ta’ numru ta’ stabbilimenti tal-ikel. Il-gazzetta It-TORĊA kienet l-ewwel waħda li esponiet il-kunċett tiegħu tal-burgers madwar ħames snin ilu meta hu kien għadu ma kellu l-ebda stabbilment tiegħu. Kien spjegalna dwar l-isidi ta’ tfulitu fejn fost l-oħrajn hu kellu jaqdef għal rasu u beda minn impjieg bażiku fil-kċina. Kien qalilna li dak iż-żmien kien biss jaħsel il-platti, iżda kellu kliem ta’ tifħir għal dawk li emmnu fih u kienu jieħdu pjaċir jarawh jieħu interess.

Illum il-ġurnata Daniel huwa rinomat għas-sehem tiegħu fil-kċina u wara dan l-artiklu hu stess ikkonferma magħna li oħrajn segwew u xandru b’mod frekwenti l-kunċetti tiegħu. Barra minn hekk mill-istabbiliment li kien assoċjat miegħu dak iż-żmien, huwa beda kunċett kompletament tiegħu. Ma setax jonqos li dan ikun relatat ma’ mħabba oħra tiegħu, il-linka u għalhekk Burgers.Ink.

“Għalija l-kunċett irid ikun stramb u riskjuż” 

Huwa jkompli jgħid ma’ Talk.mt li dak iż-żmien kien hemm min saħansitra ddieħak bih minħabba li ħareġ b’kunċett ta’ burgers biex ngħidu hekk b’differenza. Għalih li jkompli jitħallat man-nies u jitgħallem u għalhekk wara perjodu ta’ burgers, fetaħ aktar fuq il-kunċett ta’ steakhouse. Fi tfulitu kellu ammirazzjoni kbira għall-cartoons Ġappuniżi u għalhekk ftit wara rnexxielu wkoll jiftaħ stabbiliment ibbażat fuq kunċett Ġappuniż, WAGYU. Ikompli biex jgħidilna li hu ma jista’ qatt jinsa l-għeruq tiegħu u għalhekk hawnhekk daħħal ukoll l-Wagyu Burger u aktar tard żviluppa wkoll fil-kunċett ta’ street food. 

Għall-mistoqsija ta’ minn fejn jiġu l-ideat huwa qalilna li onestament lanqas hu stess ma jaf jispjega lilu nnifsu, iżda jgħidilna li jemmen li hemm sigriet biex tagħraf bejn kunċett u ieħor. “Jiena nemmen li trid tkun idea daqsxejn bla sens jew stramba biex toħloq ċertu interess. Kien hemm żmien fejn kienu jidħku bija u jgħajruni miġnun għax kont qiegħed nagħmel pancakes bl-injection taċ-ċikkulata, iżda llum infirex f’ħafna stabbilimenti,” jkompli Daniel.

YouTube video

Hawnhekk huwa waqaf biex jgħidilna li hemm kunċett ibrerren f’moħħu li għalkemm għad jonqsu l-irtokki fuqu, huwa fiduċjuż li se jkun qiegħed idaħħlu f’pajjiżna fix-xhur li ġejjin. Dan il-kunċett ta’ tisjir bil-metodu ta’ Teppanyaki jinkludi stabbiliment b’tank b’ilma baħar fejn il-klijenti jaqbdu l-ħut tagħhom, jintiżen u jinbiegħ b’dan il-mod. Konxju mill-fatt li dan il-kunċett jista’ jwassal għal ċertu reazzjonijiet, huwa żied jgħidilna li ovvjament hemm min se jispiċċa jikkritikah minħabba moħqrija, iżda jekk nieqfu ftit u nirraġunaw il-ħut kollu li jissajjar xi darba jew oħra kollu jkun ħaj u jgawdi l-baħar. Hemm riskju kbir ta’ falliment għax hija xi ħaġa kompletament ġdida, iżda lest hu jilqa’ din l-isfida għaliex jemmen ħafna fir-riskju. 

Hawnhekk iċċara dwar il-fatt li hemm limitu sakemm tista’ tirriskja u hemm ħafna fatturi li huma parti mis-suċċess jew il-falliment ta’ ċertu kunċetti. Sostna li tmexxi kemm tmexxi negozji, hija n-norma li l-ebda sid ma jħalli post li jurik li mhuwiex se jaqbad u jibqa’ jemmen u jinvesti aktar flus fih.

“Diffiċli tinvesti fi żmien il-pandemija, iżda mhux impossibbli”

Tkellimna wkoll dwar il-pan­demija u staqsejnieh dwar kemm kienet diffiċli li jibqa’ jkabbar fi żmien il-pandemija. Qalilna li hija diffiċli ħafna u li kull rokna ta’ pajjiżna ġiet affettwata b’xi mod jew ieħor. Minkejja dan jiftakar li l-ewwel ma kien għamel kien li poġġa bilqiegħda b’karta u biro u hawnhekk enfasizza li mhux laptop għax bl-idejn seta’ jħarbex dak kollu li beda jiġi f’moħħu. Hawnhekk trid tistaqsi x’qegħdin ifittxu n-nies u x’sejjer tajjeb jew forsi x’jista’ jkun li hemm nieqes u minn kobba mħabbla kienu ddeċidew li jibdew joperaw b’food truck. Din kienet sfida ġdida fejn trid tipprepara l-ikel u b’dawk l-għajnejn kollha jħarsu fuqek, ma tkunx komdu b’kollox miegħek bħalma tkun fi stabbilimenti li magħhom ikollhom l-istores u l-coldrooms.

YouTube video

Lil hinn minn dak kollu huwa qal li kien hemm fatturi oħra fuq il-wiċċ l-ieħor tal-munità u fost għajnuniet oħra kien hemm il-Covid Wage Supplement li kien ta’ spalla kbira għall-operaturi biex setgħu jkomplu jinħarġu ċertu pagi.

Dwar id-delivery, Daniel isostni li din salvat ħafna negozji għax anke l-aqwa ristoranti ta’ pajjiżna, inklużi dawk tal-fine dining bdew iduru għal dan il-metodu b’mod speċjali f’dak il-perjodu tal-għeluq b’mod sħiħ tagħhom.

“L-akbar dispjaċir huwa li ma nistax ninqasam fil-postijiet kollha”

Jgħidilna li huwa magħ­mul sempliċi fis-sens li ma jiddejjaqx ikun parti mill-istaff, idur mal-klijenti u jieħu l-ordnijiet jew jara jekk ikunx hemm min jonqsu xi ħaġa. Huwa qalilna li hija importanti ħafna li sid ta’ post ikun parti mis-servizz li jingħata għax huwa bħal pakkett sħiħ.

Sa mill-bidu nett, anke meta ma kienx hu s-sid tal-post, għalih kienet parti minn xogħlu li jassigura li kemm jista’ jkun ħadd mill-klijenti tiegħu ma jkunx jonqsu xi ħaġa jew agħar minn hekk jitħalla jgerger.

“Kelli nies li ma ridux jieħdu l-booster u tlifthom”

Rigward il-ħaddiema, Daniel qalilna li f’Malta kollha hawn maġġoranza ta’ ħaddiema barranin. Qalilna li fil-ħwienet tiegħu għandu numru ta’ ħaddiema Maltin, iżda jiddependi ħafna minn dawk barranin. Fl-opinjoni tiegħu sfortunatament għad hawn mentalità ħażina dwar dawn il-persuni u mhux l-ewwel darba li nġibditlu l-attenzjoni dwar ħaddiema barranin li jkunu għamlu xogħolhom tajjeb, iżda li xorta waħda jispiċċaw kritikati minħabba li huma barranin. 

YouTube video

“Jiena ma nagħmilx differenza bejniethom, il-pagi li noffri huma tajbin u dawn jistgħu faċilment jikkonfermawhom l-istess ħaddiema. Mhux se nħallas Malti aktar minn bniedem iswed għas-sempliċi raġuni għax hu iswed. Kelli każi fejn minħabba li l-kċina tkun miftuħa ovvjament biex il-klijent ikun jista’ josserva l-ikel li jkun qiegħed jiġi preparat u jkun hemm min jgħaddi kummenti minħabba li l-kok ikun iswed. Onestament jiena din iddejjaqni,” żied jgħidilna filwaqt li spjegalna li hu ma jagħmlux bih iċ-ċertifikati u jagħti raġuni għal dan. Darba minnhom kien mar persuna partikolari b’ċertifikat brillanti u b’nofs ċajta qalilna li kien ħasbu li kien Golden Ramsey, iżda meta daħal fil-kċina kien arroganti u li kieku fdah kien se jispiċċa jitlef ħaddiema tajbin li ma setgħux ovvjament jaħdmu miegħu b’dak l-atteġġjament.

“Jien m’għandi l-ebda ċertifikat imma fix-xogħol tagħna nemmen li hemm żewġ fatturi kruċjali; l-imħabba lejn ix-xogħol u l-karattru. Imbagħad fl-aħħar mill-aħħar, jiena nipprova vera nkun orrajt ma’ kulħadd u kieku taf kemm kien hemm min kien jgħid affarijiet fuqi minħabba t-tpinġija, imbagħad jispiċċa jiġi jgħidli kemm ma kienx jaħsibni hekk,” tenna jgħid ma’ talk.mt.

“Naħseb irnexxieli nkisser l-istigma tat-tfulija” 

Tkellem magħna wkoll dwar l-importanza tat-tattoos f’ħajtu. Fakkar fit-tfulija u l-istigma li persuna bi tpinġija ma jistgħux ikunu ta’ suċċess jew saħansitra jistgħu jispiċċaw bla impjieg. Ftakar fil-perjodu ta’ madwar 10 snin ilu meta għamel l-ewwel tattoo u li minn dakinhar ’l hawn spiċċa għandu biċċa ma’ kull parti f’ġismu. Għalih din hija xi ħaġa li tagħtih sodisfazzjon kbir għax minkejja d-dehra tiegħu huwa kisser kompletament din l-istigma u jirringrazzja ’l Alla li mhux talli għandu xogħol, talli l-investimenti li għamel huma li huma. Prattikament huwa jibqa’ magħruf, għall-burgers jew għat-tpinġija prinċipalment u għalhekk ngħaqad il-kunċett Burgers.Ink. 

“Jiddispjaċini immens nara nies ta’ suċċess li jarmu ħajjithom” 

Mill-esperjenza tiegħu huwa ftakar dwar l-ewwel ħanut tiegħu u li kif beda jara l-flus qabad iħarbat kull ewro li jaqla’. Qalilna li ma kienx għal ċertu negozjanti kbar, kieku llum jaf hu m’għandu xejn u saħansitra falla.

Agħar minn hekk, il-kok stqarr magħna li jiddispjaċih ħafna jara ċertu nies ta’ suċċess kbir, anke barra mill-industrija tal-catering li minħabba nuqqas ta’ għaqal, jispiċċaw jarmu ħajjithom minħabba l-vizzji. 

YouTube video

“Nemmen li kulħadd għandu jipprova jirrealizza l-ħolm tiegħu. Hawn min iħares lejja b’modi differenti imma dik inħalliha f’idejn in-nies. Li hu żgur hu li ħadd daqsi ma jaf minn xiex kelli ngħaddi f’dan il-vjaġġ tiegħi biex dawk li jaħsbu li ħajti kienet kollha ward u żahar jiftħu daqsxejn għajnejhom u jifhmu li xejn ma jiġi mis-sħab. Minkejja dan, jiena nagħmel kuraġġ lil dawk kollha li qegħdin itellgħu u jniżżlu biex jibdew xi forma ta’ negozju biex ma jħallux il-pandemija jew sfidi oħra jwaqqfuhom milli jirrealizzaw il-ħolm tagħhom,” temm jgħid Daniel.

Sport