“O Mulej kemm hu kbir”. Dan kien l-ewwel diskors tal-kollegi tal-uffiċjal tal-Protezzjoni Ċivili li lbieraħ kien kruċjali biex ittella’ l-ħaddiem Tork li waqa’ f’ħofra f’Tal-Virtu fil-limiti tar-Rabat.
F’rappurtaġġ kontinwu mill-post, dan is-sit innota l-professjonalità tal-kordinazzjoni ta’ dawn l-uffiċjali li użaw l-esperjenza tagħhom biex għal darba oħra rnexxielhom isalvaw lill-ħaddiem li waqa’ f’ħofra ta’ madwar 18-il metru fond.
L-għaqda bejniethom bħala tim hija xi ħaġa li ma setatx ma tiġix osservata. Hekk kif ħafna tefgħu ħarsithom fuq il-ħaddiem Tork li ttella’ jokrob bl-uġigħ, il-ħaddiema mid-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili kienu għadhom imħassbin sakemm jittella’ l-kollega li kien niżel aktar qabel fil-ħofra.
Nifhmu li dan il-ħaddiem ma kellux ħidma faċli hekk kif il-ħaddiem Tork għal xi ħin inħakem minn paniku u nstema’ jagħjat. Tant hu hekk li kellu jissejjaħ ħaddiem Tork ieħor biex jittraduċi l-istruzzjonijiet tal-uffiċjali tas-salvataġġ filwaqt li dawn komplew iniżżlu lill-kollega tagħhom.
Ovjament, mument ta’ sodisfazzjon kbir hekk kif il-ħaddiem tfaċċa fil-wiċċ tal-ħofra. Għalkemm miksi bit-tajn, fortunatament huwa ma sofra l-ebda ġrieħi.