Filmat xokkanti ppubblikat fuq l-internet qanqal rabja kbira, b’pulizija fi New York jimbottaw lil raġel anzjan li sussegwentement waqa’. Fil-filmat, kaġun tal-waqgħa l-anzjan jidher iġarrab ġrieħi b’demm jibda ħiereġ minn fejn ħabat rasu mal-bankina.
Il-filmat, li nġibed minn ġurnalist mal-istazzjon tar-radju WBFO, ġie ppubblikat hekk kif madwar l-Istati Uniti qed ikomplu jiżvolġu l-protesti wra l-mewt ta’ George Floyd nhar il-25 ta’ Mejju wara li ġie arrestat mill-Pulizija f’Minneapolis.
Ir-raġel ta’ 75 sena jidher jersaq lejn grupp ta’ pulizija lebsin ilbies ta’ kontra l-irvellijiet. Uffiċjal jidher jimbottah bil-lembuba, filwaqt li ieħor deher ikompli jimbottah b’idejh.
L-anzjan jaqa’ b’mod vjolenti mal-art, bid-demm jidher ħiereġ immedjatament minn rasu.
Is-Sindku ta’ Buffalo, Byron Brown, ħareġ stqarrija fejn qal li jinsab imħasseb bil-filmat.
Żewġ uffiċjali tal-Pulizija intant ġew sospiżi , bit-taqsima tal-affarijiet interni tal-pulizija ta’ Buffalo tkompli bl-investigazzjonijiet tagħha.