Wednesday, December 25, 2024

ARA: “Qed inħoss iktar l-istress tal-kunflitt… trid iġġewwes l-ikel… lest ngħin fl-isptarijiet”

Victor Vella
Victor Vella
Ġurnalist

Aqra wkoll

Martin Ellul Mercer, il-Malti li jinsab fil-belt assedjata ta’ Kharkiv fl-Ukrajna

Fl-aħħar sigħat, Talk.mt kienet f’kuntatt għal diversi drabi ma’ Martin Ellul Mercer, fejn tkellem magħna dwar kif qed jgħix fl-assedju li għaddejja minnu l-belt Ukrena ta’ Kharkiv. Is-sitwazzjoni ta’ Martin xejn mhi faċli, fejn minkejja l-appoġġ kontinwu minn familjari, ħbieb u nies li qatt ma ltaqa’ magħhom, fi kliemu stess, issa wara għaxart ijiem ta’ gwerrra l-istess u l-pressjoni tal-kunflitt fuqu qed jiżdiedu. Martin imma dejjem hu pożittiv, u lest li anke jagħti s-servizzi professjonali tiegħu bħala terapista f’xi sptar f’Kharkiv. Jitkellem magħna dwar kif l-ikel essenzjali qed jonqos. Ilbieraħ filgħodu stess mexa sitt kilometri biex forsi jixtri l-bżonnijiet essenzjali. Imma l-kju ta’ nies biex jixtru kien wieħed kbir ħafna. Ix-xeni fit-toroq kienu dawk ta’ imblokk minn trakkijiet biex it-tankijiet Russi ma jidħux u gruppi ta’ nies armati lesti biex jiddefendu l-pożizzjoni tagħhom. 

“Jgħaddu ħafna ħsibijiet… fosthom dak li tkun dieħel torqod u ma tafx hux se tqum”

Martin jgħidilna li “dħalna fl-għaxar ġurnata tal-gwerra. Għall-bidu qisek ma taċċettax ir-realtà li qed fi gwerra. Għaxart ijiem ilu fil-5 ta’ filgħodu smajt id-damdim ta’ splużjonijiet fuq stallazzjonijiet barra minn Kharkiv. Il-ħoss kien qawwi ħafna. Ngħidlek id-dritt ma kellix idea tal-periklu u ħriġt barra biex nara x’qed jiġri. Dakinhar irrealizzajt li l-akbar periklu kien ġej mhux mill-art imma mill-ajru. Smajt żewġ ajruplani għaddejjin. Dawn il-jet fighters ma jtukx ċans. Tismagħhom għaddejjin f’sekonda u wara tisma’ damdima u fejn se taqa’ il-missila ma tistax tgħid. Aktar ma jibda jgħaddi żmien aktar tibda tiġi l-inċertezza. Ma tkunx taf x’se jiġri. Jgħaddu ħafna ħsibijiet. Jekk tidħol torqod hux se terġa’ tqum u jekk hux se tispiċċa itajruk.”

“Lest noffri l-esperjenza tiegħi bħala terapista”

Jenfasizza Ii “tibda taħseb li jekk jiġri xi ħaġa tara li tkun fejn ma tweġġgħax. Ħsibijiet banali imma li jgħaddu minn moħħ kulħadd. Għaddew ħafna ħsibijiet minn moħħi. Jekk nara li ma nistax nitlaq minn hawn, lest noffri l-esperjenza tiegħi bħala terapista f’xi sptar fejn inkun nista’ nagħmel xogħol volontarju. Ippakkjajt il-bagalji u dak li għandi nieħu biex jekk nasal Malta ikolli xi ħaġa ukoll u dan għax meta jien tlaqt minn Malta kont bigħhejt kollox u xtrajt id-dar hawn biex nissetilja hawn. Qatt ma kont se nitlaq minn Malta. Ninżel nara it-tfal u n-neputijiet u nerġa’ nitla’. Issa la darba l-bażi tiegħi hawn m’hemmx x’tagħmel. Għandi id-dar, il-mara u l-ħbieb u ninżel Malta skont il-ħtiġijiet tiegħi.”

“Nirrapporta darbtejn kuljum lill-konslu f’ħinijiet stabbiliti”

Jitkellem dwar il-kuntatt mal-awtoritajiet Maltin. “Qed f’kuntatt mal-Ministeru tal-Affarijiet Barranin ta’ Malta li kienu ta’ għajnuna kbira. Iċempluli regolari. Qed f’kuntatt mal-konslu ta’ Malta fi Kiev. Dak ukoll irrid nirrapporta għandu darbtejn kuljum f’ħinijiet stabbiliti u meta ma nċempillux jien iċempilli hu. Trid toqgħod attent f’lingwaġġ tuża fuq medja soċjali għax tista’ tiġi segwita kemm mill-Ukreni u anke mir-Russi u għalhekk inżomm pożizzjoni newtrali. Inżomm l-opinjonijiet tiegħi għalija. Iċ-ċentru ta’ Kharkiv tant kien sabiħ. Wasalt hawn f’April u ħbiebi kienu dawruni. Kharkiv kienet oriġinarjament il-kapitali tal-Ukrajna. Illum ċentru li parti hi industrijali u għandha ħafna universitajiet. Kull ġens ta’ universitajiet, minn dawk kulturali, tal-mediċina u dawn għandhom ħafna studenti barranin. Dawn in-nies riedu jaraw kif isibu it-triq lejn pajjiżhom.”

“Qed inħoss il-pressjoni u l-istress”

Jisħaq li “fl-aħħar ġranet bdejt inħoss iktar il-pressjoni u stress li dan il-kunflitt qed iġib. Irrid noħroġ nixtri. Ikel għandi imma l-affarijiet essenzjali jibdew jispiċċaw. Ħobż, ħalib. Ħobża trid tara kif se sservi. Il-ħalib l-istess. Il-kafe nħobbu bil-ħalib u xi kultant nagħmel wieħed iswed. Trid tara kif tagħmel u bil-Malti ngħidu tipprova ġġewwes. Se jkolli noħroġ nixtri. Taxis m’hawnx. Għandi persuna li lbieraħ insistiet ħafna li rrid inkun indipendenti f’din il-biċċa xogħol. Fit-8.00 ta’ filgħodu meta jkun kalm u jkun hemm nies barra imxejt żewġ kilometri lejn supermarket biex insib dak li rrid.”

Ikompli jgħid li “l-biża’ dejjem hi hemm.  Erbat ijiem ilu kont aktar kalm. Issa rrid nammetti li ż-żmien jibda għaddej u tibda tħossok waħdek. Għandi ħbieb li jiktbuli u jċempluli. Nies li qatt ma iltqajt magħhom. Jitolbu għalik. Tal-familja iċempluli kollha. Inħoss li m’iniex waħdi imma fiżikament waħdek. Il-moral jibda jinżel xi ftit imma jien bniedem li dejjem ħriġt minn sitwazzjonijiet fejn tkun imdejjaq. Ngħaddi l-ħin nara xi film fuq xi stazzjonijiet. Nirringrazzja lil kulħadd tal-għajnuna u tal-familja li qed iżommuni viċin. Nirringrazzja lin-nies ta’ dan il-pajjiż li tant għenuni u tant huma nies ġentili u li għandhom fibra.  Ilbieraħt lura ħriġt fit-triq u kien hawn gruppi ta’ nies li kienu għassa, u meta raw li kont minn Malta is-suspett waqa’ kollu u kien hemm wieħed daħħalni d-dar u ried itini it-tuffieħ u qalli li għandu bunker u li qalli li jekk ikun hemm attakk nista’ ninżel fil-bunker tiegħu. Ma kont naf lil ħadd ħdejja għajr ġar wieħed, u issa sirt naf lil ħafna fit-triq li bdew jiġu jeħduli b’idi. Inħoss ċertu sigurtà għax la darba tkun taf in-nies tat-triq tiegħek isserraħ ftit rasek. Il-gwerra hi gwerra. Hawn fejn ngħix m’hawn xejn strateġiku, imma l-missili jinżlu kullimkien”.

“Imxejt sitt kilometri biex nixtri l-ikel… kju kbir ħafna u mort lura għax nieża ħafna borra”

Martin jitkellem magħna aktar tard matul il-ġurnata dwar it-tentattiv biex jixtri l-ikel. Jgħidilna li “imxejt tlett kilometri, sa post fejn kien hemm is-supermarket, jiġifieri imxejt sitt kilometri l-‘hemm u l-hawn. Kif wasalt sibt kju ta’ xi 300 metru.  Nies kulħadd jistenna. Suldati kullimkien. It-toroq magħluqin bi trakkijiet biex iżommu it-tankijiet tal-gwerra Russi milli jidħlu. Gruppi ta’ nies kullimkien lesti biex jiddefendu l-pożizzjoni tagħhom. Ma stajtx nibqa’ f’dak il-kju. Nieżla ħafna borra. Waqt li kont barra kien hemm xi splużjonijiet fiċ-ċentru ta’ Kharkiv. L-art titriegħed mal-isplużjoni.”

Ekonomija

Sport