Friday, November 22, 2024

ARA: “Qed nassorbi l-ispejjeż kollha waħdi … irsistejt kemm flaħt imma se tkun problema”

Jaf ikollu jirrifjuta kompetizzjoni f’Istanbul jekk ma jsibx għajnuna finanzjarja

Brian Gatt
Brian Gatt
Ġurnalist

Aqra wkoll

Dak kollu li ksibt s’issa għalija u għal Malta huwa sforz tad-dedikazzjoni tiegħi f’dan l-isport li sfortunatament għadu mhux rikonoxxut f’pajjiżna. Fl-aħħar ġimgħat jiena rnexxieli nistabbilixxi ismi taħt il-bandiera Maltija wara li rbaħt kompetizzjoni fl-Italja. Kull rebbieħ imur jikkompeti f’waħda mill-ikbar events mondjali tal-armwrestling li tissejjaħ bħala East vs West ġewwa Istanbul. Għamilt l-almu tiegħi imma hija ħasra li minflok imbuttatura qed insib limitazzjonijiet.

YouTube video

Iddikjara dan ma’ Talk.mt l-armwrestler Malti Kersten Mercieca waqt li ltqajna miegħu f’sessjoni ta’ taħriġ fil-gym Newform Fitness Club ġewwa db San Antonio f’Buġibba. Mercieca qalilna li dan il-post għalih huwa pjuttost speċjali minħabba l-memorji mħallta li għandu fih. Filwaqt li rringrazzjahom tas-sapport tagħhom fejn jidħol l-armwrestling, huwa qalilna li minħabba li f’pajjiżna m’hawn biżżejjed professjonisti dan l-isport għadu mhuwiex rikonoxxut minn federazzjoni u dik tagħmilha ferm diffiċli biex jirċievi għajnuna finanzjarja.

Sa mill-praċett qabduh f’filmat jipprova armwrestling bil-libsa

Iżda dan il-vjaġġ tiegħu jmur lura għal meta kien tifel. Fil-festin tal-praċett kienu qabduh f’filmat jipprovaha bil-libsa waqt l-istess festin. Beda jikber u ta’ żagħżugħ li kien baqa’ jipprovaha, iżda xejn barra min-norma. Madwar 10 snin ilu kien daħal għall-ewwel darba f’kompetizzjoni u weġġa’ ftit u qisu ddarras u qisu warrab. Kien proprju ħames snin ilu li ltaqa’ mat-training partner tiegħu – li huwa wkoll armwrestler professjonali jgħix f’pajjiżna – Stefan Kole Krostic u beda jitħarreġ bis-serjetà. 

Madwar xahar ilu, Mercieca mar jippreżenta lil Malta fl-Italja u qalb diversi armwrestlers professjonali Taljani, Mercieca wieħed wara l-ieħor irnexxielu jniżżilhom biex sab postu fl-ewwel post fuq il-podju u awtomatikament kiseb post għall-kompetizzjoni tant prestiġjuża li se ssir f’Istanbul. Ovjament huwa kien entużjast ħafna li rnexxielu jikseb dan ir-riżultat iżda l-problema hija meta staqsa għal għajnuna finanzjarja ntqal li hija diffiċli ħafna ladarba mhuwiex parti minn federazzjoni.

“Issib min jgħidlek imma dan tattoo artist possibbli m’għandux fondi għal dan l-isport? Jiddispjaċini ftit li dak li jkun jikkummenta, b’mod speċjali jekk ma jkunx midħla ta’ xi forma ta’ sport għax forsi ma jifhimx kemm trid spejjeż. Dan mhux qed nitkellmu fuq xi €100. Il-magna li nipprattika fuqha konna ħdimnieha jiena u Stefan u ġietna l-eluf”, kompla biex jgħidilna Mercieca. 

Ma jaffordjax jaħli l-aqwa żmien biex iwaqqaf federazzjoni

Biex iwaqqaf federazzjoni f’pajjiżna jrid ikun hawn minn tal-inqas erba’ klabbs iżda Mercieca qiegħed jitħabat biex iwaqqaf l-ewwel wieħed ta’ din ix-xorta f’pajjiżna. Huwa spjega li minbarra li jekk stess din il-ġurnata tasal, jeħtieġ perjodu twil ta’ żmien li għalih se tkun diffiċli biex pereżempju 10 snin oħra jikkompeti ma’ armwrestlers li jkunu fl-aħjar tagħhom. Fi kliem sempliċi, hu ma jaffordjax li jaħli l-aħjar żmien tiegħu jipprova jwaqqaf din il-federazzjoni f’Malta.

Ix-xewqa tiegħu hija li jikkompeti fil-World Armwrestling Federation u hemmhekk ma jistax jagħmel bħalma għamel fl-Italja. 

“Fl-Italja jiena mort bħala Kersten, mort bil-bandiera Maltija u għollejt miegħi l-bandiera tagħna, iżda biex nikkompeti f’din il-kompetizzjoni dinjija rrid inkun parti minn federazzjoni. S’issa jidher li l-unika għażla li għandi nissieħeb ma’ federazzjoni Taljana li fetħitli l-bibien beraħ wara l-wirja tiegħi f’pajjiżhom. Jien ma nixtieqx nikkompeti b’dan il-mod imma qisu ma tantx baqagħli għażla”, kompla Mercieca.

Injury fil-bicep li minnha tgħallem ħafna

Madwar sena u tliet xhur ilu, Kersten organizza attività kbira fejn kien hawn f’pajjiżna iċ-champion tad-dinja Bulgaru Bozhidar Simeonov. Mercieca qalilna li l-dakinhar kellu pressjoni kbira. Bis-sapport tal-lukanda db San Antonio huwa rnexxielu jġib dan l-isem kbir f’pajjiżna f’tentattiv li juri li minkejja ċ-ċokon tagħna għandna talent. 

“Meta inti qed torganizza event segwit mid-dinja kollha kien hemm ċertu pressjoni. Dħalt għall-isfida b’ċertu rabja u sakemm poġġejt idi kont diġà nifsi maqtugħ. Teknikament ma kont kif jien illum u li ġara kien li mal-go inftaħt u ċarrat parti mill-bicep”, żied jgħidilna. 

Qalilna li l-ikbar dispjaċir tiegħu huwa li dakinhar wara tant preparamenti lanqas kellu l-opportunità li jieħu ħames rawnds. Minkejja li kien jitlef, għalih kienet tkun opportunità li jagħmel ir-rounds kollha. 

Anke hemmhekk. Kersten jaħdem u ma jaqlax x’jiekol minn dan l-isport. Hemmhekk beda jaħseb biex jieqaf. Madanakollu kien hemm armwrestlers professjonali li ħeġġewh biex jieħu din l-isfida bħala tagħlima. Illum bl-injury li kien sofra, minkejja li għadu ma rkuprax is-saħħa li kellu qabel, teknikament jinsab ferm aqwa minn qabel tant li fil-kompetizzjoni fl-Italja kiseb il-midalja tad-deheb. 

Lura għal Istanbul minn hawn u ftit tax-xhur oħra, dan il-ġurnal staqsa lil Mercieca kif qiegħed jipprepara. Huwa qalilna li kif stajna nesperjenzaw aħna stess, l-uniku ċans li għandu huwa proprju wara l-ħin tax-xogħol. Qalilna li fl-aħħar xhur għamel passi deċiżivi fil-karriera tiegħu bħala artist u li dan l-investiment kien jirrikjedi ċertu impenn. Qalilna li l-inqas ħaġa li jixtieq jagħmel li bħala Kersten jispiċċa jittallab għax mhijiex fl-istint tiegħu li jagħmel dan. 

Kwalifikazzjoni fl-Italja jaf ma tkunx biżżejjed biex jikkompeti f’Istanbul

“Onestament s’issa ninsab inċert jekk iniex se nkun f’pożizzjoni li naċċetta din l-opportunità li tant ħdimt għaliha. Jien ksibt posti ma’ dawn l-armwrestlers bil-ħila tiegħi billi ħallast minn buti u prattikajt kemm flaħt minkejja din l-injury li setgħet kissritni”, kompla Kersten filwaqt li qalilna li jistma’ li biex imur f’Istanbul irid eluf ta’ ewro li f’dan l-istadju ma jaffordjax li jerfa’ waħdu. Huwa kkonferma magħna li mingħajr ma jafu, f’appell li għamel fuq il-midja ġie avviċinat minn Silvan Medina li emmen fil-potenzjal tiegħu bħala Malti u offra li jgħinu jkompri parti mill-ispejjeż.

Filwaqt li rringrazzjah huwa appella lil persuni u forsi anke kumpaniji oħra, fosthom dawk sportivi biex jgħinuh jerfa’ parti minn din l-ispiża tiegħu li tista’ tgħinu jwettaq din il-ħolma u jkompli jgħolli isem pajjiżna.

Sport