Friday, November 15, 2024

ARA: “Qisu waqgħet id-dinja … l-ebda ħsara grazzi għal dawk li ċemplu minflok qagħdu jieħdu l-filmati”

Brian Gatt
Brian Gatt
Ġurnalist

Aqra wkoll

B’xorti tajba ħadd ma weġġa’ u ma saret l-ebda ħsara wara li aktar kmieni għall-ħabta tas-6:30 p.m ħarbu żewġ baqriet fil-limiti Imtarfa u qasmu lejn in-nigret fil-limiti tar-Rabat.

Fil-post issejħu membri mid-Dipartiment tal-Ħarsien tal-Annimali, Uffiċjali tal-Pulizija u kif ukoll uffiċjal minn Transport Malta.

Dan tal-aħħar b’xorti tajba rnexxielu jmexxi ż-żewġ baqriet li kienu pjuttost kalmi lejn entratura ta’ garaxxijiet sakemm is-sidien kienu hemm ftit tal-ħin wara u qabduhom.

Intant wara li bdew jiċċirkolaw filmati u ritratti fuq il-midja, dan is-sit għamel kuntatt mas-sidien fejn qalulna li għalkemm mhix xi ħaġa li tiġri kuljum, bħala annimali l-baqar huma pjuttost annimal kurjuż u li kulma kien ġara huwa li wieħed mill-membri ż-żgħar tal-familja kien qiegħed jilgħab magħhom meta b’diżvista ħallielhom il-bieb mbexxaq u sakemm kienu aljenati fir-razzett tagħhom dawn il-baqriet ħarġu u bdew mexjin.

Minkejja dan huma rringrazzjaw lil dawk kollha li kienu ta’ għajnuna u minflok qagħdu jieħdu l-filmati jew tkażaw, ċemplu lill-awtoritajiet biex seta’ jiġi evitat kull periklu.

Ekonomija

Sport