Tuesday, November 26, 2024

ARA: Reġa’ ħass il-vokazzjoni biex isir saċerdot wara l-mewt ta’ martu

Aqra wkoll

Jgħidu li qatt mhu tard wisq biex tibda xi ħaġa ġdida fil-ħajja. Xhieda ċara ta’ dan huwa Patri Manuel Aquilina, Tereżjan, ta’ 78 sena li ġie ordnat saċerdot mill-Arċisqof Charles J. Scicluna nhar il-Ġimgħa li għadda fil-Knisja ta’ Santa Tereża f’Birkirkara.

Patri Manuel esperjenza bosta affarijiet fil-ħajja tant li kien miżżewweġ u ilu erba’ snin armel. Dan filwaqt li huwa missier ta’ żewġt ulied. Wara li mietet martu Kathy, erba’ snin ilu, huwa ħass il-vokazzjoni għas-saċerdozju u llum huwa Patri Tereżjan.

YouTube video

M’hemmx dubju li Patri Manuel huwa ta’ kuraġġ u ispirazzjoni għal diversi persuni li tabilħaqq qatt mhu tard biex wieħed iwieġeb għas-sejħa ta’ Alla, tkun xi tkun.

Talk.mt iltaqa’ ma’ Patri Manuel fejn irrakkuntalna dan il-proċess sabiex laħaq patri. “Jien twelidt Santa Venera u biż-żmien missieri bena dar f’Birkirkara u morna ngħixu hemm. Kien żmien fejn familja kien ikollha ħafna tfal. Aħna konna disa’ aħwa għalkemm tnejn minnhom mietu.”

“Kont midħla tal-patrijiet Tereżjani u minn dejjem kont immur hemm anke bħala abbati. Għamilt ukoll skola sat-tielet sena tas-sekondarja u aktar tard bqajt sejjer De La Salle fejn komplejt l-istudji tiegħi.”

Skont Fr Manuel Aquilina il-ġibda għas-saċerdozju kienet hemm meta kien żagħżugħ iżda jista’ jkun li ma kinitx b’saħħitha biżżejjed. Meta tfarfar, huwa ddeċieda li jibda jaħdem fejn kien jaffaxxinah ix-xogħol fil-lukandi. 

Ħadem f’diversi lukandi rinomati f’Malta fosthom bħala receptionist u kulħadd kien jiggustah bil-manjieri edukati tiegħu. Kien jaħdem ukoll mal-kunsill Brittaniku fejn għamel għaxar snin, żmien li hu jgħidlu l-isbaħ li qatt kellu f’ħajtu.

Sadanittant iż-żagħżugħ Manuel iltaqa’ ma’ tfajla meqjusa f’dak li tgħid u ferm kwieta bl-isem ta’ Kathy. Huma nġibdu flimkien u wara erba’ snin għarajjes żżewwġu filwaqt li kellhom żewġt itfal bniet.

“Kellna żwieġ sabiħ li fih kellna t-tlugħ u l-inżul tiegħu bħal kull koppja oħra. Konna nħobbu ħafna lil xulxin iżda sfortunatament il-mewt firditna seba’ snin ilu. Jien flimkien mat-tfal tiegħi ħassejna ħafna n-nuqqas tagħha.”

Fr Manuel qalilna li jiem wara l-mewt ta’ martu Kathy beda jħoss xi sinjali li l-vokazzjoni li kellu meta kienet żagħżugħ reġgħu ġejjin. Kien għalhekk li beda jitlob, jaħseb fil-profond u fuq kollox talab parir mingħand Patri Piju Sammut li llum ukoll m’għadux magħna. Dan kollu ġara fis-sena 2018.

Kien hemm li Fr Manuel Aquilina beda n-novizjat tiegħu filwaqt li jeżerċita ‘l hekk imsejħa professjoni sempliċi. Fl-istess waqt hu kien hemm jagħmel kors speċjalizzat fit-teoloġija li kien ukoll speċifikament għalih minħabba li dawn huma każijiet uniċi li ta’ 78 sena bniedem jiddeċiedi li jidħol saċerdot. Hu fisser hekk dan kollu.

“Alla jsejjaħ lin-nies li hu ħalaq mingħajr anqas biss tkun qed tistenna. Dan Alla li kapaċi jwettaq dawn it-tip ta’ sorpriżi u li jagħtik sinjali li lanqas biss tkun qed taħseb li se jseħħu.”

Iżda kif ħaduha t-tfal meta missierhom qalilhom li kien se jidħol għas-saċerdozju?

“Ifhem għall-bidu ma kinitx faċli għalihom minħabba li fi spazju ta’ ftit xhur apparti li tilfu lill-ommhom, kienu se jitilfu lili wkoll sa ċertu punt. Jien kont ngħinhom ħafna lit-tfal tiegħi fejn fost l-oħrajn kont immurilhom għat-tfal l-iskola u anke xi xogħol li kien ikollhom fid-dar ma jonqosx.”

“Madankollu huma fehmu li jien xtaqt naqbad din it-triq li rajtha waħda naturali għalija.”

Fr Manuel Aquilina hu nannu peress li għandu tliet neputijiet li jħobbhom daqs il-mimmi t’għajnejh.

Iżda għaliex għażel l-ordni Tereżjana?

“Jien għażilt din l-ordni għax kif għedtlek minn dejjem kont affaxxinat mill-filosofija tagħhom. Ispirat ħafna minn Santa Tereża tal-Bambin Ġesu u anke minn Tereża d’Avila, dik l-Ispanjola biex niftiehmu.”

Skont hu f’din l-ordni hemm l-elementi tas-skiet u l-ġabra filwaqt li t-talb jilgħab parti importanti mid-drawwiet tagħhom.

“It-talb narah ferm importanti f’ħajti. Mingħajr talb bniedem ma jgħixx kuntent u seren. Sfortunatament illum il-ġurnata l-ħajja saret wisq mgħaġġla u l-bniedem m’għadux iħabbel moħħu li jitkellem ma’ Ġesu.”

Fr Manuel għamel appell biex it-talb ikun aktar regolari fid-djar Maltin għax ħafna mill-problemi li qed jiġru qed jinħolqu mill-bnedmin stess li warrbu lil Alla min-nofs u qed ifittxu affarijiet materjali li eventwalment jispiċċaw. Madankollu Kristu jibqa’ għal dejjem magħna.

Santa Tereża tal-Bambin Ġesu, skont Fr Manuel, tgħallimna ħafna affarijiet sbieħ partikolarment fuq is-sempliċità u li tħalli f’idejn Kristu sabiex imexxik f’ħajtek. Kienet bniedma ta’ ftit kliem, meqjusa ħafna f’dak li tgħid u fl-istess waqt kienet lesta li tgħin lil ħaddieħor.

Finalment Fr Manuel Aquilina xtaq iwassal messaġġ ta’ kuraġġ lil dawk iż-żgħażagħ jew saħansitra anzjani li huma waħidhom u li qed iħossu s-sejħa ta’ Ġesu.

“Jien ngħidilhom sabiex jafdaw fi Kristu, jintelqu lejH u jmexxikom Hu. Hu jagħtikom id-direzzjoni spiritwali u fl-aħħar mill-aħħar intom se tagħtu servizz lil ħaddieħor, xi ħaġa verament nobbli u sabiħa.”

Sport