Dan is-sit żar it-trakka tal-kwart ta’ mil hekk kif matul din il-ġimgħa ġie mtella’ l-aħħar round li sfortunatament kien imxekkel mill-maltemp.

Tkellimna mas-sewwieqa Maltin li appellaw lill-gvern biex jirrikonoxxi l-kisbiet kbar li qegħdin isiru. Dan ir-round attira l-interess ta’ għexieren ta’ sewwieqa minn barra l-pajjiż, fosthom dawk Ewropej, iżda sfortunatament kien hemm xeni li skont is-sewwieqa Maltin ftit juru l-livell ta’ dak li kisbu barra minn xtutna.

Huma appellaw biex tingħata għajnuna biex ikunu jistgħu jinxtraw inġenji li jkunu jistgħu jnixxfu t-trakka f’każ ta’ xita. Spjegaw li minkejja li hawn min jara li qed jesaġeraw, ftit tal-ġimgħat ilu sewwieqa Maltin telgħu l-Amerka biex jaraw kompetizzjoni fejn bl-apparat li għandhom kapaċi jirriżolvu sitwazzjoni bħalma hija trakka mxarrba fi ftit ħin filwaqt li hawn ħadna diversi sigħat.

Tkellimna ma’ sewwieq Ġermaniż li meta mistoqsi dwar il-livell tas-sewwieqa Maltin qalilna li l-livell huwa wieħed verament għoli u hawn karozzi verament veloċi. Mistoqsi jekk humiex imdorrijin b’dan it-temp fil-Ġermanja huwa kkonferma dan iżda nnota wkoll is-sentiment tas-sewwieqa Maltin biex pajjiżna jinvesti biex iżid l-effiċjenza.