It-tema ta’ din is-sena li qed insejħu l-attività bħala ‘The Biggest Little Motor Show’ ġejja mill-fatt li minn dik li bdiet minn missieri fl-1990, dak iż-żmien bil-parteċipazzjoni ta’ disa’ esebituri, illum qegħdin nippreżentaw wirja bi 37 esebitur, b’aktar minn 1,800 mudell. Iddikjara dan ma’ Talk.mt il-President ta’ Die Cast & Scale Model Society Alan Saliba.
Huwa spjega magħna li l-attendenza ta’ din is-sena kienet waħda pożittiva ferm, b’udjenzi mħallta bejn dawk li attendew bħala ħarġa u oħrajn li stqarru li ħassew in-nuqqas tal-attività minħabba l-pandemija u kienu qegħdin jistennew bi ħġarhom biex jaraw kif din il-wirja kompliet tikber waqt dan il-perjodu ta’ nuqqas.

Saliba kompla fuq il-passi ta’ missieru, Tarcisio Saliba magħruf aħjar bħala Ċisju, il-fundatur ta’ din il-wirja li bdiet tittella fl-1999. Fuq qbil bejn il-membri tas-Soċjetà huwa kompla jtella’ din il-wirja minkejja li kien għad kellu biss 17-il sena.

Rigward il-post ġdid għal din il-wirja li qed tittella’ fl-iskola Primarja ta’ Santa Venera, Saliba qal ukoll li din kompliet iżżid mal-ħeġġa tan-nies hekk kif setgħu jinnutaw attendenza ġdida li tkompli timlihom b’kuraġġ wara tant preparamenti.
Saliba tkellem dwar il-fatt li din il-wirja tilqa’ fiha esebituri ta’ kull età tant li minn fost seba’ ġodda għal din is-sena, hemm tlieta minnhom li għandhom biss seba’ snin, disa’ snin u 14-il sena.

Barra minn hekk bħala soċjetà ħassew il-ħtieġa li f’din l-edizzjoni jfakkru l-memorja ta’ tliet esebituri li mietu f’dawn l-aħħar snin li fihom ma kinitx qed tittella’ minħabba r-restrizzjonijiet tal-pandemija. Dawn huma Mario Grech, Sydney Zammit u Martin Costa.

Finalment il-President tas-soċjetà, f’isem il-bqija tas-soċjetà xtaq jirringrazzja lill-amministrazzjoni tal-iskola għall-opsitalità tagħhom kif ukoll lil numru sabiħ ta’ sponsors li għoġobhom jikkontribwixxu sabiex tkun tista’ tittella’ din l-esibizzjoni li tagħlaq it-Tlieta fil-5:00 p.m.
