Saturday, December 21, 2024

ARA: Telaq minn fuq il-post minkejja li kien jaf li l-iskart li kellu kien qiegħed jieħu n-nar

Aqra wkoll

Fi stqarrija li ħarġet ftit tal-ħin ilu l-kumpanija WasteServ qalet li mill-ewwel investigazzjonijiet jirriżulta li trakk li kien qiegħed iġorr materjal riċiklabbli mis-settur kummerċjali, kellu l-istess skart qed jieħu n-nar.

In-nirien bdew għall-ħabta tad-9.19am fiż-żona li fiha jinżammu l-boroż riċiklabbli. In-nirien ġew ikkontrollati fi ftit ħin bil-ħidma tal-Ħaddiema tal-Protezzjoni Ċivili

L-istqarrija tkompli tgħid li l-każ ta’ dalgħodu qiegħed taħt investigazzjoni interna kif ukoll il-pulizija daħlu f’dan il-każ. Jirriżulta li s-suspettat sewwieq tat-trakk li kien qiegħed iġorr l-iskart kien jaf li l-materjal kien qiegħed jieħu n-nar, iżda xorta saq u telaq minn fuq il-post.

Aktar kmieni: Qed jiġu kkontrollati nirien li ħakmu ammont ta’ plastik fil-Magħtab

Nirien li seta’ kellhom konsegwenzi ferm aktar agħar qed jiġu kkontrollati f’wieħed mill-impjanti li WasteServ għandha fil-Magħtab.

Sorsi qrib dan is-sit qalulna li n-nar beda minn plastik li hemm maħżun qrib sew l-impjant tal-MRF li fih jintagħżel l-iskart riċiklabbli.

Fuq il-post issejħu l-Ħaddiema tal-Protezzjoni Ċivili biex ikunu jistgħu jikkontrollaw in-nirien. Bħalissa għaddejja operazzjoni biex ikun żgurat li n-nirien intefgħu kollha. Sakemm waslu l-Ħaddiema tal-Protezzjoni Ċivili n-nirien kienu bdew jinfirxu sew.

Kelliema għal WasteServ ikkonfermat ma’ dan is-sit li dalgħodu kien hemm in-nirien, iżda sostniet li “dan kien nar żgħir ħafna u ġie kkontrollat f’żewġ minuti”.

Nifhmu li dwar dan il-każ WasteServ se tkun qiegħda tiftaħ investigazzjoni interna biex jiġi stabbilit x’wassal għal dawn in-nirien.

Ekonomija

Sport