Sunday, November 24, 2024

ARA: Tliet persuni bi ġrieħi gravi wara ħabta f’Ħal Qormi

Aqra wkoll

Ħames persuni ddaħħlu l-Isptar wara li aktar kmieni għall-ħabta tat-2:45 p.m kienu involuti f’inċident tat-traffiku li seħħ fi Triq il-Kanun f’Ħal Qormi.

Minn stħarriġ illi sar irriżulta li raġel ta’ 55 sena residenti l-Imqabba tilef il-kontroll tal-ambulanza li kien qiegħed isuq u baqa’ dieħel ġo vann li kien ipparkjat, bil-konsegwenza li l-vann laqat żewġ vetturi oħra li wkoll kienu pparkjati. Fuq quddiem tal-ambulanza kien hemm riekeb ukoll raġel ta’ 54 sena li jgħix Ħal Safi. 

Kawża tal-impatt, iż-żewġt irġiel, li huma Emergency Ambulance Responders, inqabdu minn saqajhom kellhom jinħarġu bl-assistenza tal-membri mid-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili. 

Fuq wara tal-ambulanza kien hemm ukoll infermier ta’ 35 sena residenti l-Mosta, kif ukoll żewġ nisa ta’ 49 u 23 sena, it-tnejn residenti Ħad-Dingli. 

Il-persuni kollha ngħataw l-għajnuna minn timijiet mediċi u ttieħdu l-Isptar Mater Dei permezz ta’ diversi ambulanzi sabiex jingħataw il-kura meħtieġa. 

Aktar tard, il-mara ta’ 49 sena u ż-żewġ Emergency Ambulance Responders ġew iċċertifikati li weġġgħu gravi, filwaqt li ż-żewġ persuni l-oħra ġew iċċertifikati li weġġgħu ħafif. 

It-triq fid-direzzjoni lejn il-Marsa kellha tingħalaq temporanjament sakemm il-Pulizija setgħu jkomplu bl-investigazzjonijiet tagħhom.

Sport