Friday, December 13, 2024

ARA: Ukreni jqattgħu l-ewwel lejl mgeddsin fi stazzjonijiet taħt l-art

Aqra wkoll

L-ewwel lejl ta’ gwerra ma kienx ifisser biss il-mewt ta’ aktar minn 137 persuna u ’l fuq minn 300 oħra midrubin fl-Ukrajna. Ritratti li bdew jiċċirkolaw fil-midja juru ċittadini Ukreni jfittxu kenn f’subways.

Il-familji jidhru mgeddsin flimkien biex jegħlbu l-kesħa wara li xita ta’ bombi niżlu fuq il-pajjiż matul l-aħħar sigħat.

Il-Ministru għad-Difiża Ukren qal li kienu mistennija aktar attakki fir-reġjun ta’ Donestsk u dan kompla żied il-biża’ fost iċ-ċittadini li tgeddsu f’postijiet komuni biex jieħdu ħsieb lil xulxin.

Filwaqt li ħafna nġabru jistkennu f’dawn l-istazzjonijet taħt l-art, ħafna oħrajn dehru jivvjaġġaw bil-bagalji f’tentattiv li joħorġu mill-belt Ukrena. Dan wassal għal kjuwijiet sħaħ fl-istazzjonijiet u konġestjoni kbira ta’ traffiku fit-toroq prinċipali.

Il-militari Russi ddikjaraw li ma kienx hemm theddida fuq iċ-ċittadini u nsistew li ma kinux qegħdin jimmiraw fuq l-ibliet u li kienu qegħdin jużaw missili preċiżi.

Minkejja dan, diversi bliet u rħula spiċċaw fil-mira tal-attakki fejn fost iċ-ċittadini mejta kien hemm tifel li miet fi splużjoni f’Chuhiv.

Ekonomija

Sport