Friday, November 15, 2024

ARA: “X’aktarx kienu għadhom ħajjin meta l-karozza ħadet in-nar”

Leading Camilleri jisħaq li għalihom kull ħajja hija importanti u jsir minn kollox biex tiġi salvata

Brian Gatt
Brian Gatt
Ġurnalist

Aqra wkoll

“Ix-xogħol tagħna jinkludi dixxiplina u anke responsabbiltajiet li forsi n-nies hemm barra ma jifhmux li huma parti mix-xogħol tagħna. Aħna ma nkunux biss il-waħdiet ta’ inċidenti li jitilgħu fuq il-midja soċjali. Kif qegħdin taraw hawnhekk il-post huwa pjuttost kbir u parti minn xogħolna huwa wkoll li nżommu l-indafa u l-ordni.” Iddikjara dan il-Leading Assistance and Rescue Officer Leslie Camilleri f’intervista ma’ Talk.mt li żar personalment l-Istazzjon tad-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili f’Kordin fil-jum dinji tal-pumpiera.

Staqsejna lil Camilleri dwar l-iktar każ li jibqa’ jiftakar fil-karriera tiegħu fid-dipartiment u ma kinitx faċli għalih jasal biex jagħżel każ partikolari anke minħabba li fuq spalltu jġorr esperjenzi ta’ aktar minn 24 sena. Madanakollu huwa qalilna li ma jista’ qatt jinsa l-inċident tat-traffiku li kien seħħ f’Ġunju 2002 f’parti mit-triq li llum hija c-Central Link. Spjegalna li dakinhar kienet daħlet sejħa minħabba ħabta kbira bejn vann Transit u karozza tal-għamla Alfa. Żied jgħidilna li tant il-ħabta kienet waħda vjolenti li l-karozza kienet spiċċat inħakmet min-nirien u li mit-tliet persuni li kien hemm fiha, flimkien mal-Pulizija kien irnexxielhom isalvaw persuna waħda. 

“Il-karozza ħadet in-nar bin-nies fiha. Ma nistax ngħid fiċ-ċert imma x’aktarx li n-nies kien għadhom ħajjin u sfortunatament mietu maħruqin. Esperjenza kerha ħafna. Trid tnaddaf dak id-dashboard imdewweb u d-debri li kien hemm biex toħroġ il-fdalijiet ta’ dawn il-vittmi. Esperjenza kerha ħafna u tibqa’ stampata f’moħħi”, irrakkonta magħna Camilleri.

Min-naħa l-oħra staqsejnieh liema kienet dik l-esperjenza forsi l-iktar sodisfaċenti u hawnhekk qalilna li jkun hemm ħafna anke fejn jidħlu l-annimali. Spjegalna li bħala Dipartiment joħorġu fuq ħafna sejħiet li minbarra nies ikunu jinkludu l-annimali li jkunu jirrisjedu magħhom u li dawn importanti ħafna li jiġu salvati wkoll għax għall-pumpiera kull ħajja hija prezjuża ħafna. 

“Niftakar darba minnhom kien hemm kelb maqbud fit-tielet sular. Dak iż-żmien ma kellniex il-vetturi u l-makkinarju li għandna llum. Minħabba li ma kellniex it-turntable ladder, kellna nużaw sellum u tlajna fil-għoli mhux ħażin. Kien ta’ sodisfazzjon kbir tara t-tfal jistennew fuq in-naħa ta’ isfel u jifirħu li l-kelb konna salvajnih. Anke l-fatt li dawn tgħallmu minnha tant li kienu penġew ix-xena ta’ dak li kien ġara u t-tpenġijiet tagħhom kienu ġew anke ppubblikati fuq gazzetta lokali. Li dawk l-iżjed ċkejknin japprezzaw x’jirrikjedi li tilbes din l-uniformi hija xi ħaġa sabiħa ħafna għalina”, tenna jgħidilna. 

“Għal uħud kienet stramba li wara aktar minn 20 sena daħlet pumpiera mara” 

Kellimna wkoll lill-Assistance and rescue officer Leanne Newell li hija waħda mill-ftit nisa li jaħdmu bħala Pumpiera fid-Dipartiment li meta mistoqsija rigward kemm kienet diffiċli għaliha biex tintegra qalb stazzjon mimli b’pumpiera rġiel stqarret li kienet daqsxejn diffiċli sakemm tinqabeż dik il-linja fejn jindraw il-karattri ta’ xulxin u li fl-aħħar mill-aħħar mara tista’ tintegra tajjeb ħafna wkoll f’dan ix-xogħol. Fakkret li kienet daqsxejn diffiċli għal pumpiera li kien ilhom imdorrijin mingħajr nisa f’dan ix-xogħol għal iktar minn 20 sena imma illum jgħixu f’ambjent tat-tieni familja tagħhom.

Leading Camilleri kompla biex jispjegalna dwar l-importanza li bħala uffiċjali jkunu magħqudin bħala familja. Kompla biex jgħidilna dwar il-ġurnata tax-xogħol tagħhom li tinkludi ħafna affarijiet fosthom li jiċċekkjaw il-vetturi u anke l-apparat biex ikun żgurat li kollox jinsab preparat f’każ li tidħol is-sejħa. 

“Filli nkunu qegħdin nitkellmu magħkom u filli tista’ tidħol sejħa u nisparixxu kollha skont is-sitwazzjoni … trid tkun preparat għal kull eventwalità għax minkejja l-ewwel informazzjoni li tidħol tista’ tmur fuq il-post u ssib sitwazzjoni ferm agħar”, kompla biex jgħidilna Camilleri.

Minn fejn beda l-Jum Dinji tal-Pumpiera?

Il-Jum Dinji tal-Pumpiera jiġi ċċelebrat fl-4 ta’ Mejju wara proposta li saret fl-4 ta’ Jannar tal-1999 minħabba l-inċident traġiku li wassal għall-mewt ta’ ħames pumpiera fl-Awstralja.

L-inċident kien seħħ fit-2 ta’ Diċembru 1998 meta Pumpiera intervjenew fuq sejħa ta’ emerġenza f’Victoria. Dakinhar kien hemm bidla għal għarrieda fid-direzzjoni tar-riħ waqt li nfirxu n-nirien f’art agrikola u ħamsa mill-Pumpiera sfaw mejta. Il-vittmi kienu Garry Vredeveldt, Chris Evans, Stuart Davidson, Jason Thomas u Matthew Armstrong u l-mewt tagħhom kienet it-tarġa għall-proposta ta’ dan il-jum li beda jiġi mfakkar kull sena ftit tax-xhur wara.

Ekonomija

Sport