Monday, December 30, 2024

[ARA] Xeni xokkanti f’ħabs f’El Salvador waqt il-pandemija tal-Covid-19

Aqra wkoll

Ritratti li kienu ppubblikat fis-sigħat li għaddew juru li minkejja l-pandemija tal-Covid-19, u l-miżuri fis-seħħ tista’ tgħid f’kull pajjiż madwar id-dinja, ħabsin f’El Salvador kienu mġegħlin joqogħdu mrassin ma’ xulxin wara li l-President Nayib Bukele ordna lockdown ta’ 24 siegħa f’dawk il-ħabsijiet li jilqgħu membri ta’ gangs kriminali.

Ir-ritratti mxerrdin kienu meħudin fil-ħabs ta’ Izalco.

Bukele intant qal li l-mexxejja ta’ dawn il-gangs se jkunu qed jintbagħtu f’iżolament solitarju wara li matul il-jum tal-Ġimgħa kienu reġistrati 22 omiċidju.

Fl-istess waqt fuq twitter huwa kiteb li “l-ebda kuntatt mad-dinja ta’ barra. Il-ħwienet jibqgħu magħluqin u kull attività tibqa’ sospiża sakemm tinħareġ notifika oħra.”

Bukele qal li l-lockdown ta’ “emerġenza massima” se jibqa’ fis-seħħ sakemm il-Pulizija tinvestiga t-22 omiċidju li seħħew nhar il-Ġimgħa li għadda.

Dan huwa l-akbar numru ta’ omiċidji reġistrati f’jum wieħed mindu Bukele ħa l-ġurament tal-ħatra bħala President.

Sa ftit tas-snin ilu El Salvador, li ilha tiffaċċja l-problema ta’ gangs kriminali magħrufin bħala ‘maras’, kellha l-ogħla rata ta’ omiċidji fl-Amerika Latina.

Madankollu r-rata ta’ omiċidji naqset taħt it-tmexxija ta’ Bukele.

Intant El Salvador impona wħud mill-eħrex miżuri biex tiġi kkontrollata l-imxija tal-pandemija tal-coronavirus. Il-pajjiż daħal f’lockdown fit-22 ta’ Marzu li għadda, u kull min jinqabad jikser il-lockdown jintbagħat il-ħabs.

Fil-pajjiż, li għandu popolazzjoni ta’ 6.4 miljun persuna, ġew konfermati 298 każ ta’ persuni infettati bil-coronavirus, u tmien persuni mietu kaġun tal-virus.

Ekonomija

Sport