Saturday, December 21, 2024

ARA: Żieda fil-każi ta’ tfal li jipproduċu ritratti sesswali online waqt il-pandemija

Brian Gatt
Brian Gatt
Ġurnalist

Aqra wkoll

Miktub Minn Victor Vella, Filmat Alan Saliba

YouTube video

“Tfajla minuri. Ma kinitx għadha għalqet is-sittax-il sena. Bagħtet ritratti partikolari tagħha lil ġuvni li kienet qed toħroġ miegħu. Bgħatithomlu fuq il-mowbajl.  Ġara li l-mowbajl tiegħu ma kienx protett minn password. Sħabu biex jiċċajtaw ħadulu l-mowbajl u sabu r-ritratti. Li seħħ wara kien li r-ritratt provokanti tat-tfajla spiċċaw iduru fuq l-internet u anke spiċċaw waslu għand familjari u qraba ta din it-tfajla”.  

Dan hu wieħed biss mill-każijiet li ġew investigati b’rabta ma’ ritratti provokanti u sesswali li jintbagħtu mit-tfal u żgħażagħ fil-gruppi  ta’ bejniethom. Dan flimkien ma’ każijiet oħra fejn pedofeli jew persuni oħra jispiċċaw jitkellmu ma’ tfal u anke jibdew jitolbuhom ritratti tagħhom. Ma jonqsux każijiet ta’ rikatt, fejn xi drabi it-tfal jintalbu jibagħtu aktar ritratti, inkella jiġu mhedda li r-ritratti jew vidjos li jkunu diga intbagħtu, jiġu ċċirkolati mal-ġenituri, qraba jew ħbieb tagħhom.   Sfortunatment dan l-abbuż onlajn fuq it-tfal, li jħalli problemi psikoloġiċi u joħloq ukoll problemi oħra, żdiedu sew minħabba l-pandemija, fejn il-minuri kienu kostretti iqattgħu aktar ħin onlajn, ħafna drabi jesperimentaw b`mezzi soċjali differenti.  

Inewsmalta, f’intervista ma’ Graziella Castillo, Assistent Direttur fl-Aġenzija Appoġġ fejn hi tieħu ħsieb is-servizz , li jitratta dawn it-tip ta’ abbużi, ġie spjegat li mhux biss jirreferu l-każi lill-Pulizija imma anke joffru appoġġ lill-vittmi u l-ġenituri tagħhom. 

Graziella Castillo, spjegat li dan l-abbuż fuq it-tfal żdied sew minħabba l-pandemija u dan minħabba li għal xhur sħaħ ħafna tfal kienu qegħdin iqattgħu ħafna aktar ħin onlajn fuq diversi pjattaformi.   Hi spjegat li matul is-sena 2019 biss kien hemm 290 każi ta’ rapport li saru fuq il-hotline (childwebalert)  u 415 telefonati relatati ma dan is-suġġett  li saru fuq Supportline 179. Dan ifisser kważi żewġ każi ta’ rapporti kuljum matul 2019  L-indikazzjonijiet għal 2020 juru li ser ikun hemm aktar każijiet, li wieħed irid janalizza fl-isfond ta` dak li qegħdin ngħixu bħalissa.  

L-isfruttament sesswali tat-tfal qed jiżdied

L-Assistent Direttur, Graziella Castillo spjegat li “aħna għandna is-servizz “ChildWebAlert’. Fih persuni li  jiltaqgħu ma’ ritratt jew filmati fejn ikun qed jidher  li tfal ġew abbużati jew sfruttati sesswalment, jitkellmu magħna, jew jibgħatulna l-link tal-websites u aħna ninvestigaw. Ninfurmaw u naħdmu wkoll mat-Taqsima tac-Cybercrime unit fi ħdan il-Pulizija.  Aħna membri ukoll tal-assoċjazzjonijiet barranin  ‘Insafe’ u “Inhope”.  Fit-18 ta’ Novembru hu  l-Jum Ewropew dwar il-protezzjoni tat-tfal kontra l-abbuż u sfruttament sesswali.”

Saħqet li “s-servizz  tagħna dejjem jaħdem sabiex iqajjem kuxjenza fuq dan il-kunċett.  Is-servizz tagħna mhux biss jara li jiġu ippubblikati artikli fuq midja, imma anke nagħmlu sessjonijiet ta’ għarfien ukoll għal għaqdiet mhux governattivi  li jaħdmu ma’ tfal u żgħażagħ.” 

Bil-pandemija il-każijiet żdiedu

Meta mistoqsija dwar l-effett tal-pandemija fuq dan il-fenomenu, hi qaltilna li “nistgħu ngħidu li bil-pandemija qed naraw żieda fil-każi. Aħna favur li tfal ikunu online u l-fatt li jużaw l-internet hi xi ħaġa tajba. Imma hemm sitwazzjoni fejn tfal bejniehtom jispiċċaw itellgħu ċertu ritratti.  Ritratti provokattivi u sesswali. X’jiġri?  Huma jixxerjawhom ma’ sħabhom. Meta jirċievu dawn ir-ritratt ikun hemm min jibda  jixxerjaħ fuq is-sit soċjali jew pjattaformi oħra.  Irridu noħolqu għarfien biex it-tfal ikunu konxji tar-ritratti li jkunu qed itellgħu jew jixxerjaw. Fost dawn ikun hemm ritratti li mhumiex diċenti.  Importanti wkoll li nwasslu l-messaġġ illi it-tixrid ta` dawn it-tipi ta’ ritratti jew vidjos huwa illegali ”.

Enfasizzat li “rridu nqajmu  kuxjenza fost ġenituri biex huma ukoll ikollhom gwida u jinnotaw ċerti affarijiet.  It-tfal ikun hemm diversi raġunijiet għaliex ixerrdu ritratti tagħhom. Ikunu fi gruppi u jibdew jikkompetu bejniethom dwar il-likes li se jġib ir-ritratt. Kemm se jżidu followers. Dak l-eċċitament u aktar iwassal għal aktar ritratt provokattivi u tidħol pika  bejniethom. Din tal-likes hi xi ħaġa li ttihom ċertu boost fil-perjodu li jkunu għaddejjin minnu. Hi xi ħaġa li lilhom ttihom importanza u jidhru ‘cool’ ma sħabhom.

Graziella Castillo saħqet li “bil-pandemija intilef għal kollox il-bilanċ li suppost għandu jinżamm bejn ħin onlajn u ħin li jgħaddu soċjalment.  It-tfal spiċċaw ġewwa. Ħafna minnhom ma kellhomx x’jagħmlu u bdew jintefgħu aktar onlajn. Hawn il-pedofeli jaħtfu l-opportunità għax  jafu li tfal bdew jibqgħu aktar ġewwa u allura bdew aktar ifittxuhom u jistaqsuhom għar-ritratti”. 

It-tfal jgħaddu minn trawma

Tispjegalna li “t-tfal jiġu affettwati ħafna meta jgħaddu minn dan l-abbuż. Ibatu ħafna mill-aspett psikoloġiku.  Meta jgħaddu minn sitwazzjonijiet  simili jibdew jirrifjutaw li jmorru l-iskola. Jibdew jistħu. Isiru aktar riservati. Jibdew jinqatgħu anke minn mal-ġenituri u dan minħabba li jibdew jaħsbu li l-ġenituri jkunu raw dawk ir-ritratti. Aħna fil-kampanji li nagħmlu nitkellmu dwar dawn l-effetti jew kif it-tfal jibdew jinbidlu u li jista jkun li dan juri li jkunu għaddew minn xi abbuż.  Tiġi affettwata wkoll  is-saħħa mentali tagħhom.” 

Insibu koperazzjoni mill-iskejjel

Enfasizzat li “numru sostanzjali tal-każijiet jiġu riferuti lilna mill-iskejjel. Ġieli jkollna ġenituri li huma stess jindunaw b’ċertu attitudnijiet u jitkellmu magħna biex jieħdu l-pariri.  Aħna nagħmlu sessjonijiet ta’ informazzjoni anki fil-iskejjel u f`għaqdiet mhux governattivi li għandhom kuntatt mat-tfal u ż-żgħażagħ..”

Tisħaq li “bħala proġett – iċ-ChildWebAlert’, aħna qegħdin f’konsorzju akbar li hu l-BeSmart Online. Fih hemm ukoll Tech.mt, l-Uffiċċju tal-Kummissarju għat-Tfal, il-Pulizija ta’ Malta, id-Direttorat għall-Programmi ta’ tagħlim u Assessjar fid-Dipartiment tal-Edukazzjoni flimkien magħna bħala Aġenzija Appoġġ fi ħdan l-FSWS. 

Hi realtà li qiegħda hemm u mhux se tispiċċa

Tisħaq li “dan l-abbuż fuq tfal qiegħed hemm u mhux se jispiċċa.  Irridu nqajmu dejjem aktar kuxejnza.  It-tema ta’ din is-sena hi l-prevenzjoni ta’ imġieba sesswali u ritratti jew vidjos ssesswali generati mit-tfal infushom”.  L-appell huwa wiehed li t-tfal u ż-żgħażagħ jaħsbu qabel itellaw xi ritratti onlajn, għax la darba qiegħed fuq il-midja soċjali, wieħed ma jkollux kontroll ta’ min qiegħed jarah u jixxerjah.  

Min irid jirraporta xi ritratti jew vidjos,  li jaħseb li qed iwasslu għal sfruttar jew abbuż sesswali ta’ minuri jista’ jagħmel dan fuq il-website, childwebalert.gov.mt jew iċempel għal gwida fuq is-Supportline 179.  

Ekonomija

Sport