Friday, December 13, 2024

Arċipriet ġdid għall-Parroċċa ta’ Ħad-Dingli

Aqra wkoll

L-Arċisqof Charles Jude Scicluna ħatar lil Dun David Farrugia bħala Arċipriet tal-parroċċa ta’ Santa Marija, Ħad-Dingli.

Dun David Farrugia twieled Ħ’Attard fl-24 ta’ April 1979. Huwa rċieva l-edukazzjoni primarja f’Ħal Qormi (San Ġorġ), l-edukazzjoni sekondarja fil-Liċeo Mikiel Anton Vassalli tal-Ħandaq, Ħal Qormi, u l-edukazzjoni postsekondarja fil-Junior College, l-Imsida. Kompla l-istudjiu terzjarji (Filosofija u Teoloġija) fil-Fakultà tat-Teoloġija fl-Università ta’ Malta.

Dun David ġie ordnat saċerdot fid-29 ta’ Ġunju 2004. Beda l-ħidma pastorali tiegħu fil-parroċċa ta’ Ħal Tarxien fejn serva għal sentejn, sena minnhom bħala viċi kappillan.

Fl-2006 nħatar viċi kappillan tal-parroċċa ta’ Ħal Luqa u rettur taż-żona ta’ Ħal Farruġ fejn serva għal erba’ snin. Tul dawn is-snin kien ukoll direttur spiritwali tal-Kulleġġ San Benedittu – Skola Sekondarja Subien ta’ Ħal Kirkop. Dun David serva bħala chaplain tal-Junior College u bħala saċerdot fil-parroċċa ta’ Santa Luċija. Fl-2014 nħatar bħala kappillan tal-parroċċa ta’ Ħal Safi u ilu mill-istess sena jservi bħala segretarju tal-Welfare Fund tal-Kleru.

Il-parroċċa ta’ Sidtna Marija Mtellgħa s-Sema f’Ħad-Dingli tiġbor fiha madwar 3,692 persuna.

Ekonomija

Sport