Tliet irġiel kienu involuti f’argument li seħħ dalgħodu għall-ħabta tad-9:00am, fi Triq Dun Anton Vella, is-Siġġiewi.
L-argument seħħ bejn tliet persuni: raġel ta’ 59 sena residenti Ħal Tarxien u żewġt irġiel ta’ 34 u 43 sena li joqogħdu s-Siġġiewi stess. Il-Pulizija tad-Distrett ta’ Ħaż-Żebbuġ issejħu fuq il-post biex jinvestigaw il-każ.
Fil-post issejħet ambulanza u tim mediku li taw l-ewwel għajnuna lir-raġel ta’ 59 sena sakemm dan seta’ jittieħed lejn l-Isptar Mater Dei għal aktar attenzjoni medika. Aktar tard huwa ġie ċċertifikat li sofra minn ġrieħi gravi.
Iż-żewġt irġiel l-oħra ttieħdu fl-eqreb Ċentru tas-Saħħa u kienu ċċertifikati bi ġrieħi ħfief. Huma qed jinżammu fil-Kwartieri Ġenerali tal-Pulizija fil-Furjana.
L-investigazzjonijiet tal-pulizija b’rabta ma’ dan il-każ għadhom għaddejjin.