Dalgħodu, għall-ħabta tal-11.30am, il-Pulizija intalbet tassisti f’argument li seħħ waqt kawża f’waħda mill-awli.
Minn investigazzjonijiet li saru jirriżulta li waqt li raġel ta’ 28 sena residenti San Pawl il-Baħar kien ħiereġ barra mill-awla fuq ordni tal-Qorti, huwa resaq lejn wieħed mill-persuni li huwa kellu l-kawża miegħu.
Minnufih intervjenew xi persuni li kienu preżenti filwaqt li assistew ukoll Pulizija u uffiċjali li jaħdmu l-Qorti stess.
Immedjatament kien ordnat l-arrest tar-raġel ta’ 28 sena, filwaqt li l-persuna l-oħra, raġel ta’ 49 sena residenti San Pawl il-Baħar mar fl-eqreb Ċentru tas-Saħħa fejn aktar tard kien iċċertifikat bi ġrieħi gravi.
L-investigazzjonijiet tal-Pulizija b’rabta ma’ dan il-każ għadhom għaddejjin.