Raġel ta’ 33 sena jinsab arrestat mill-Pulizija b’rabta ma’ allegat traffikar ta’ droga, f’San Pawl il-Baħar.
Minn tfittxija li saret fuqu, instab li kellu fil-pussess tiegħu 51 qartas b’sustanza bajda suspettata kokaina u 33 qartas b’sustanza kannella suspettata eroina.
Il-każ beda minn kmieni dalgħodu, meta l-Pulizija nnutaw movumenti suspettużi tar-raġel fi Triq il-Ħġejjeġ u ftit wara allegatament deher jgħaddi xi pakketti lil persuna oħra fi Triq Ġulju. Kien hawn li r-raġel induna bil-preżenza tal-Pulizija u ħarab jiġri minn fuq il-post, sakemm twaqqaf mill-pulizija u eventwalment ġie arrestat fi Triq iċ-Ċern.
Dwar dan il-każ infetħet inkjesta u qed titmexxa mill-Maġistrat tal-Għassa Dr Gabriella Vella. Filwaqt li r-raġel qiegħed jinżamm fil-lock-up tal-Pulizija il-Floriana.