Thursday, December 26, 2024

Arrestat b’rabta ma’ erba’ serqiet, li tlieta minnhom wettaqhom matul dan il-lejl f’San Ġiljan

Aqra wkoll

Raġel ta’ 27 sena residenti Ta’ Xbiex ġie arrestat b’rabta ma’ erba’ serqiet. Waħda mis-serqiet saret nhar it-30 ta’ Settembru li għadda, filwaqt li t-tlieta l-oħrajn saru matul dan il-lejl f’San Ġiljan.

Il-Pulizija qalet li lbieraħ għall-ħabta tal-10.00 p.m. żewġ persuni – raġel ta’ 46 sena residenti Pembroke, u mara ta’ 40 sena residenti l-Belt Valletta, daħlu fl-Għassa ta’ San Ġiljan u rapportaw li waqt li kienu fi Triq id-Dragunara, San Ġiljan, mar fuqhom raġel allegatament armat b’sikkina li serqilhom ammont ta’ flus kontanti u ħarab minn fuq il-post. B’xorti tajba ħadd mill-vittmi ma weġġa’.

Il-Pulizija bidet mill-ewwel bl-investigazzjonijiet rigward dan il-każ, iżda għal ħabta ta’ 11.45 p.m., raġel ta’ 29 sena residenti l-Imġarr, irraporta fl-Għassa ta’ San Ġiljan u stqarr li kien għadu kemm ġie aggredit minn raġel, allegatament armat b’sikkina, fi Triq Spinola, San Ġiljan, li talbu jagħtih il-flus. Il-vittma sofra ġrieħi f’idu bis-sikkina u ttieħed f’ċentru tas-saħħa għal kura meħtieġa. 

Dwar dawn ir-rapporti – li l-vittmi ddeskrivew l-ħalliel bħala l-istess persuna – il-Pulizija mill-Għassa ta’ San Ġiljan, assistiti mill-Pulizija tal-Iskwadra tar-Reati Maġġuri u tar-Rapid Intervention Unit (RIU), bdew tfittxijiet. Waqt li kienet qiegħda ssir din it-tfittxija, għall-ħabta tan-12.30 a.m., daħal rapport ieħor, li raġel ta’ 44 sena residenti Wied il-Għajn, kien għadu kemm ġie misruq minn persuna li allegatament kienet armata b’sikkina. Il-vittma ma weġġax. 

Waqt li kienet għaddejja t-tfittxija, il-Pulizija tal-Iskwadra tar-Reati Maġġuri bdew janalizzaw filmati ta’ kameras tas-sigurtà li hemm fl-akwati, u permezz tagħhom, identifikaw il-persuna suspettata li allegatament wettqet dawn it-tliet serqiet.

Il-Pulizija tal-Iskwadra tar-Reati Maġġuri, flimkien ma’ tad-Distrett u tar-RIU, marru fir-residenza tiegħu f’San Ġiljan, fejn instab ġewwa u ġie arrestat. Minn tfittxija li saret fir-residenza l-Pulizija sabu s-sikkina li allegatament intużat f’dawn is-serqiet, ħwejjeġ li deher liebes fil-filmati tas-sigurtà u oġġetti oħra relatati. 

Ir-raġel ġie arrestat u ttieħed fil-lock-up tal-Pulizija fil-Kwartieri Ġenerali, il-Furjana għal aktar investigazzjonijiet. 

Intant, waqt dawn l-investgazzjonijiet, irriżulta li l-istess persuna, allegatament, wettqet serqa oħra fit-30 ta’ Settembru, 2020, fi Triq l-Abate Rigord, Ta’ Xbiex. Dakinhar, għall-ħabta tal-11.30 p.m. koppja Ingliża – raġel ta’ 62 sena u mara ta’ 63 sena – ġew aggrediti min raġel li serqilhom xi flus li kellhom fuqhom. 

L-investigazzjonijiet tal-Pulizija għadhom għaddejjin, filwaqt li r-raġel mistenni jitressaq il-Qorti fil-jiem illi ġejjin.

Ekonomija

Sport