Raġel ta’ 32 sena residenti Raħal Ġdid ġie arrestat b’rabta ma’ traffikar tad-droga kokaina.
Ilbieraħ, għall-ħabta tas-6:00 p.m, il-Pulizija segwewh u waqqfuh waqt li kien qiegħed isuq fi Triq tal-Barrani, Żejtun. Saret tfittxija fil-vettura u fiha nstabu żewġ kilos ta’ sustanza bajda, allegatament droga kokaina.
Il-valur fit-triq li kieku d-droga kokaina li kieku nbiegħet huwa ta’ madwar €180,000.
Ir-raġel mistenni jitressaq il-Qorti llum, għall-ħabta tas-1:30 p.m, quddiem il-Maġistrat tal-Għassa Dr Claire Stafrace Zammit.
L-investigazzjonijiet tal-Pulizija għadhom għaddejjin.