Taljan, suspettat li kien qiegħed jittraffika nisa Kolumbjani lejn pajjiżna ġie arrestat. Dan l-arrest sar b’rabta ma’ tlett nisa – żewġ aħwa nisa u ż-żija tagħhom kollha mill-Kolumbja li kienu offruti impjieg bħala ħaddiema tat-tindif minn dan iċ-ċittadin Taljan f’pajjiżna.
Ġara iżda li mal-wasla tagħhom f’Malta, il-passaporti tagħhom ġew ikkonfiskati minn dan il-persuna Taljana taħt il-pretest li kien qed jirranġa permessi tax-xogħol. Il-vittmi mbagħad ġew imġiegħla jidħlu fil-prostituzzjoni, bis-suspettat allegatament jirrifjuta li jirritorna d-dokumenti ta’ identifikazzjoni tagħhom u jitlob somom kbar ta’ flus bi tpattija għar-ritorn tagħhom.
Dań irriżulta minn rapport li nħareġ mill-Europol, fejn intqal li operazzjoni kbira kontra it-traffikar uman wasslet ġew protetti 1,194 vittmi. Dan wassal ukoll biex kienu arrestati 158 persuna.
Bħala parti mill-investigazzjonijiet li għaddejjin, ġew identifikati wkoll 205 suspettat addizzjonali tat-traffikar tal-bnedmin.
L-operazzjoni bil-kodiċi ‘Global Chain’ saret mill-1 sas-6 ta’ Ġunju ta’ din is-sena tmexxiet mill-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi fl-Awstrija u r-Rumanija, b’koordinazzjoni u appoġġ mill-Europol, Frontex u INTERPOL.
Fl-arresti kollha li saru ġew konfiskati wkoll madwar €277,000 fi flus kontanti, tunellata kannabis, 30 arma tan-nar, 65 dokument falz u 5 propjetajiet.
Minn din l-operazzjoni spikka l-każ li seħħ fl-Ungerija u li kien jikkonċerna tifla ta’ 15-il sena. Din kienet sfurzata fil-prostituzzjoni mill-familja tagħha stess. It-tifla qed tinżamm f’istitut waqt li l-membri tal-familja fosthom missierha ġew arrestati.