Hekk kif għaddew ftit aktar minn 24 siegħa mis-sejba ta’ Antoine Degabriele fil-ġenb tat-triq fiż-Żejtun, il-pulizija arrestat raġel ta’ 21 sena minn Birżebbuġa.
Skont l-investigazzjonijiet li saru mid-Dipartiment tar-Reati Maġġuri u dawk tad-Distrett taż-Żejtun jidher li r-raġel arrestat kien qed isuq karozza tal-għamla Mazda Demio meta seħħ l-inċident u li din instabet f’garaxx f’Ħaż Żabbar.
Huwa qed jinżamm arrestat, filwaqt li l-investigazzjonijiet tal-Pulizija u l-Inkjesta Maġisterjali b’rabta ma’ dan il-każ għadhom għaddejjin.
Nifhmu li l-pulizija kompliet għaddejja bl-investigazzjonijiet tagħha f’dawn l-aħħar sigħat fosthom b’analiżi ta’ CCTV cameras li kien hemm fiż-żona tal-inċident u mhux eskluż li kellmet xi nies li joqogħdu fl-istess triq.
Antoine Degabriele ta’ 51 sena miż-Żejtun instab ilbieraħ għall-ħabta ta’ 11:45 a.m fi Triq il-President Anton Buttigieg fiż-Żejtun. Huwa ntlaqat minn karozza u tħalla mejjet fil-ġenb tal-istess triq.
Tim mediku ssejjaħ fuq il-post iżda sfortunatament ir-raġel ġie ċċertifkat mejjet fuq il-post stess.
Ftit ħin wara li bdew l-investigazzjonijiet, il-pulizija kkonfermat li dan kien każ ta’ hit and run fejn fost affarijiet oħra ntlemħu partijiet ta’ karozza li x’aktarx kienet l-istess karozza involuta f’dan l-inċident.