Wednesday, July 24, 2024

AĠĠORNAT: Arrestat it-tieni persuna b’rabta mal-hold-ups fuq ‘delivery persons’

Aqra wkoll

AĠĠORNAT: Minn aktar stħarriġ li sar mill-Iskwadra ta’ Kontra r-Reati Vjolenti (Violent Crime Unit) fi ħdan id-Dipartiment tal-Investigazzjonijiet Kriminali u l-Pulizija tad-Distrett ta’ Bormla, ftit tal-ħin ilu ġie arrestat raġel ieħor, ta’ 53 sena, residenti Bormla, b’rabta mat-tliet hold-ups li twettqu fuq ‘delivery persons’ f’Ħaż-Żabbar, fl-Isla u f’San Ġwann. Mill-investigazzjonijiet li saru s’issa ma jirriżultax li din il-persuna kellha xi involviment mal-hold-up tal-lejl illi għadda f’Bormla.

Mill-investigazzjonijiet illi saru dwar il-hold-ups ta’ Ħaż-Żabbar, l-Isla u San Ġwann, irriżulta li fit-tlieta li huma, żewġt irġiel avviċinaw lil ‘delivery persons’ eżatt wara li waslu l-ikel f’residenzi privati u heddewhom b’sikkina u serqu ammont ta’ flus kontanti.

Ir-raġel ta’ 53 sena li ġie arrestat illum wara nofsinhar qed jinżamm fil-lock-up tal-Pulizija, il-Floriana għall-aktar investigazzjonijiet.

AKTAR QABEL: Ħidma konġunta bejn il-Pulizija tad-Distrett ta’ Bormla, tar-Rapid Intervention Unit u  tal-Iskwadra ta’ Kontra r-Reati Vjolenti (Violent Crime Unit) fi ħdan id-Dipartiment tal-Investigazzjonijiet Kriminali, wasslet biex ġie arrestat raġel ftit ħin biss wara li allegatament wettaq hold-up fuq impjegat ta’ stabbiliment waqt li kien qed iwassal l-ikel. 

Ir-raġel arrestat għandu 30 sena u huwa residenti Bormla. Huwa qed jiġi investigat ukoll mill-Pulizija b’rabta ma’ tliet serqiet simili li seħħew fuq ‘delivery persons’ fid-9 ta’ April f’Ħaż-Żabbar, fl-10 ta’ April fl-Isla u fl-14 ta’ April f’San Ġwann. 

Il-bieraħ, għall-ħabta tad-9.30 p.m., raġel ta’ 29 sena residenti Ħal Tarxien, daħal fl-Għassa ta’ Bormla jirrapporta li kien għadu kif ġie misruq waqt li kien qiegħed iwassal l-ikel fi Triq San Pawl, f’Bormla. 

Mill-ewwel investigazzjonijiet li saru rriżulta li xħin mar bl-ordni li kellu tal-ikel f’residenza privata, il-persuna li fetħitlu qalet li ma kinux ordnaw ikel. Għaldaqstant, il-vittma għamel kuntatt mal-persuna li għamlet l-ordni, li qaltlu biex jiltaqgħu f’parkeġġ fi Triq San Pawl. 

Il-vittma mar fuq il-post u ftit wara avviċinah raġel li allegatament ħareġ sikkina u talbu il-flus li kellu fuqu. Il-ħalliel ħarab minn fuq il-post b’ammont ta’ flus kontanti. 

Il-vittma minnufih mar l-Għassa jagħmel rapport u mid-deskrizzjoni li ta, rriżulta li l-allegat aggressur joqgħod f’residenza f’Bormla. Il-Pulizija marru fuq il-post fejn l-allegat agressur, raġel ta’ 30 sena, ipprova jaħrab minn tieqa tar-residenza, iżda ġie arrestat mill-ewwel.

Minn tfittxija li saret fir-residenza, il-Pulizija elevat diversi oġġetti li nsterqu fil-hold-up ta’ dal-lejl u anke oġġetti oħra li x’aktarx huma wkoll misruqa mill-każijiet l-oħra msemmija. 

Ir-raġel ta’ 30 sena ittieħed lejn il-lock-up tal-Pulizija, il-Floriana għall-aktar investigazzjonijiet. Irriżulta li l-istess persuna allegatament wettaq it-tliet serqiet l-oħra li seħħew fl-aħħar ġimgħa. 

Ekonomija

Sport