Sunday, November 10, 2024

Arrestat mal-wasla tiegħu minn Brussell wara li nstab fil-pussess ta’ tliet Kilogrammi eroina

Aqra wkoll

Malti ta’ 64 sena ġie arrestat wara investigazzjoni mill-Pulizija tal-Iskwadra ta’ Kontra d-Droga b’rabta ma’ traffikar u importazzjoni tad-droga. 

Huwa ġie arrestat tard l-Erbgħa filgħaxija fl-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta wara li fil-pussess tiegħu nstabu madwar tliet kilogrammi ta’ sustanza suspettata droga eroina.

Ir-raġel, li huwa residenti Bormla, twaqqaf mill-Pulizija hekk kif wasal Malta b’titjira minn Brussell, il-Belġju, wara informazzjoni li kien qiegħed iġorr sustanza llegali fil-bagalja. Wara li ntalbet l-assistenza tat-taqsima tal-klieb tad-Dwana, is-suspett kiber hekk kif il-kelb beda jindika xi ħaġa suspettuża fl-istess bagalja.

Il-Pulizija għalhekk fetħu l-bagalja u f’qiegħ falz instab pakkett kbir li fih kien hemm id-droga, b’valur fit-triq ta’ madwar €600,000.

Il-Maġistrat tal-Għassa Dr Marsanne Farrugia ġiet infurmata bis-sejba u ħatret inkjesta.

Ir-raġel qiegħed jinżamm arrestat fil-lock-up tal-Pulizija fil-Kwartieri Ġenerali, il-Floriana u mistenni jitressaq il-Qorti aktar tard illum, għall-ħabta tal-ħdax u kwart ta’ filgħodu quddiem il-Maġistrat tal-Għassa Dr Nadine Lia.

Sport