Sunday, November 24, 2024

Arrestat Taljan ieħor b’rabta ma’ sensiela ta’ snatch & grab

Aqra wkoll

Issoktaw b’suċċess l-investigazzjonijiet b’rabta ma’ sensiela ta’ serq, magħrufa bħala ‘snatch  and grab’ ta’ ġojjellerija minn fuq persuni fi stabbilimenti tad-divertiment.

Wara li f’Ġunju illi għadda ġew arrestati u kienu tressqu l-Qorti numru ta’ Taljani, fl-aħħar sigħat tressaq il-Qorti Taljan ieħor, ta’ 24 sena li jifforma parti minn grupp ta’ kriminalità organizzata, li jwettaq snatch and grabs.

Mill-investigazzjonijiet illi saru rriżulta li r-raġel, flimkien mal-oħrajn, idur stabbilimenti tad-divertiment f’Ħaż-Żebbuġ, Ta’ Qali u San Ġiljan u waqt li jkunu fir-rassa, allegatament jaħtfu u jiġbdu ġiżirajjen minn fuq l-għonq tal-vittmi u jaħarbu qalb il-folla.

L-akkużat irnexxielu jaħrab minn Malta lejn l-Italja, fl-istess ħin li l-kompliċi kienu ġew arrestati.

B’kollaborazzjoni bejn l-awtoritajiet Maltin u Taljani, inħareġ Mandat ta’ Arrest Ewropew, bit-Taljan jiġi arrestat minnufih mal-wasla tiegħu fl-Italja. Fil-pussess tiegħu nstab saħansitra ammont ta’ ġojjellerija li kienu nsterqu.

Wara li ġie estradit lejn Malta, ir-raġel ta’ 24 sena illum tressaq il-Qorti quddiem il-Maġistrat Dr Joseph Gatt LL.D. fejn ammetta għall-akkużi kollha miġjuba kontrih. Huwa ġie kkundannat sentejn u nofs ħabs effettivi.

Sport