Sunday, November 24, 2024

Arrestat wara li qabeż bil-paraxut minn fuq it-Torri Eiffel

Aqra wkoll

Raġel llum ġie arrestat f’Pariġi wara li qabeż minn fuq it-Torri Eiffel b’paraxut.

Ir-raġel daħal fil-perimetru tat-torri ftit wara l-5.00 a.m., ferm qabel il-ftuħ uffiċjali tiegħu.

Skont l-operatur tas-sit Sete, huwa ntlemaħ mill-uffiċjali iżda xorta rnexxielu jagħmilha sal-quċċata qabel ma xi ħadd seta’ jwaqqfu, bil-paraxut f’basket wara dahru.

Meta wasal qrib il-quċċata tal-istruttura ta’ 330 metru għoli, huwa qabeż għal isfel u fetaħ il-paraxut fejn niżel fi stadium fil-qrib fejn ġie arrestat ftit tal-ħin wara.

“Din it-tip ta’ azzjoni irresponsabbli tpoġġi lin-nies li jaħdmu fit-torri jew taħtu fil-periklu,” qal Sete fi stqarrija.

It-Torri Eiffel huwa l-aktar post turistiku tal-kapitali Franċiża, li attira xejn inqas minn 5.9 miljun viżitatur fl-2022.

Il-ftuħ tat-torri, ġeneralment fid-9.00 a.m., kellu jittardja għal xi ħin minħabba f’dan l-inċident filwaqt li se jkunu qed jinħarġu akkużi fil-konfront tar-raġel.

Sport