Il-Pulizija ta’ Għawdex arrestat it-tieni suspettat li wettaq is-serqa lbieraħ fix-Xagħra.
Ilbieraħ ġie arrestat raġel Taljan li allegatament kien qed isuq il-karozza filwaqt li ftit tal-ħin ilu ġie arrestat it-tieni raġel li hu Malti. Allegatament dan daħal b’pistola u hedded lil impjegata biex tagħtih il-flus.
Intant fi sqarrija l-pulizija qalu li matul l-aħħar sigħat, intensifikaw l-investigazzjonijiet b’rabta mas-serqa li seħħet ilbieraħ filgħaxija minn ħanut tal-merċa fix-Xagħra, Għawdex.
Dawn waslu biex il-Pulizija arrestat il-persuna l-oħra li allegatament kienet involuta fis-serqa. Ir-raġel, li huwa Malti ta’ 49 sena u jgħix Bormla, ġie arrestat illum waranosinhar minn appartament fix-Xagħra. Il-vettura li ntużat fl-istess reat u li kienet irrapportata misruqa, instabet ukoll abbandunata fix-Xagħra stess.
Ir-raġel li ġie arrestat ilbieraħ huwa Taljan ta’ 47 sena u jgħix San Pawl il-Baħar.
L-Ispetturi Mario Xiberras u Wayne Camilleri qed imexxu l-investigazzjonijiet tal-Pulizija.
Aktar kmieni: Raġel armat jidħol jisraq minn supermarket fix-Xagħra
Kien għall-ħabta tat-8.00pm tal-bieraħ meta l-Pulizija ġew informati li kien seħħ hold-up minn supermarket fix-Xagħra Għawdex.
Hekk kif il-Pulizija marru fuq il-post sabu lil wieħed mill-impjegati imbeżża’ fejn qal li kienet daħlet persuna armata fuqu. L-allegat ħalliel wara li wettaq dan il-hold-up ħabar minn fuq il-post.
Hekk kif bdew jissoktaw aktar investigazzjonijiet ġie stabbilit li għall-ħabta tal-5.30pm kienet insterqet karozza Vitz minn ħdejn “Sare” liema karozza ntużat fl-istess hold-up.
Il-Pulizija mill-ewwel bdew bit-tfittxija għal persuni li wettqu dan il-hold-up fejn irriżulta li kien hemm wieħed li daħal fis-supermarket u l-ieħor li baqa’ fil-karozza jistenna.
Il-Pulizija rnexxielha tarresta lir-raġel li allegatament kien kompliċi f’dan il-hold-up. Sorsi qrib dan is-sit qalulna li hu ġie arrestat qrib il-vapur tal-Gozo Channel hekk kif ipprova jmur lejn Malta.
L-investigaturi għadhom qegħdin ifittxu lir-raġel l-ieħor li allegatament daħal bil-pistola fis-supermarket.
L-investigazzjonijiet huma mexxija mill-Ispettur Mario Xiberras.