Tuesday, December 24, 2024

Arrestati 11-il persuna b’rabta ma’ traffikar ta’ persuni

Aqra wkoll

F’operazzjoni li seħħet kmieni lbieraħ filgħodu f’diversi lokalitajiet madwar Malta, ġew arrestati 11-il persuna, allegatament involuti f’ċirku ta’ kriminalità organizzata ta’ traffikar ta’ persuni.

Wara numru ta’ ġimgħat ta’ investigazzjonijiet u ġbir ta’ informazzjoni, l-operazzjoni, li tmexxiet mill-Iskwadra tal-Vittmi Vulnerabbli u d-Dipartiment tal-Investigazzjonijiet tar-Reati Finanzjarji tal-Korp tal-Pulizija, bdiet għall-ħabta tas-6.00am.

Bl-assistenza ta’ sezzjonijiet oħra tal-Korp tal-Pulizija, saru rejds fl-istess ħin, f’Birkirkara, il-Gżira, San Pawl il-Baħar, is-Siġġiewi, il-Fgura, il-Gudja, Raħal Ġdid, Ħaż-Żebbuġ u l-Isla.

B’kollox ġew arrestati tmien irġiel u mara Maltin, kif ukoll raġel u mara mir-Rumanija. Minn tfittxijiet illi saru fil-postijiet imsemmija, ġew elevati ammont konsiderevoli ta’ flus kontanti, kif ukoll diversi oġġetti ta’ valur.

B’rabta ma’ dan il-każ qiegħda titmexxa inkjesta mill-Maġistrat Dr Philip Galea Farrugia LL.D.

Il-persuni kollha qed jinżammu fil-lock-up tal-Pulizija, il-Floriana. L-investigazzjonijiet għadhom għaddejjin.

Ekonomija

Sport