Monday, December 23, 2024

Arrestati tliet persuni suspettati li huma wara traffikar ta’ droga kokaina f’pajjiżna

Aqra wkoll

Investigazzjonijiet intensivi mill-Iskwadra tal-Pulizija ta’ Kontra d-Droga waslu biex ġew arrestati tliet persuni barranin, suspettettati li huma wara traffikar ta’ droga kokaina f’pajjiżna.

Wara informazzjoni li raġel ta’ nazzjonalità Taljana ta’ 51 sena qiegħed jagħmel użu minn binja f’Ħal Far għat-traffikar tad-droga, nhar it-Tnejn filgħaxija il-Pulizija segwewh u waqqfuh f’Marsaxlokk. Minn tfittxija li saret fuqu huwa nstab fil-pussess ta’ madwar €10,000 fi flus kontanti.

Il-Pulizija, imbagħad għamlet tfittxija fil-binja f’Ħal Far u fiha nstabet ftit inqas minn kilo droga, suspettata kokaina. Saret ukoll tfittxija fir-residenza tat-Taljan fiż-Żurrieq, u hemmhekk instabu mal-€40,000 oħra flus kontanti.

Dwar l-istess każ, il-Pulizija wettqu rejd ieħor, din id-darba f’residenza privata fl-Imsida. Hemmhekk ġew arrestati raġel ta’ 49 sena mir-Repubblika Domenikana u tfajla ta’ 24 sena ta’ nazzjonalità Spanjola. Fil-post, il-Pulizija elevaw diversi oġġetti relatati mal-manifatturar tad-droga kokakina.

Il-Maġistrat tal-Għassa Natasha Galea Sciberras ġiet infurmata bis-sejba u ħatret inkjesta.

It-tliet persuni li ġew arrestati mistennija jitressqu l-Qorti llum quddiem il-Maġistrat Monica Vella għall-ħabta tat-3.00p.m. b’akkużi relatati ma’ traffikar ta’ droga u ħasil ta’ flus, fost oħrajn.

L-investigazzjonijiet qed jitmexxew mill-Ispetturi Mark Mercieca, Marshall Malia u Keith Mallan.

Ekonomija

Sport