Sunday, April 6, 2025

Arrestati żewġ Maltin b’rabta ma’ sfruttament sesswali tat-tfal online

Aqra wkoll

Żewġ Maltin ġew arrestati mill-Pulizija Maltija b’rabta ma’ operazzjoni internazzjonali ikkordinata mill-Europol, bħala parti mill-akbar operazzjoni li qatt saret mill-Europol fil-ġlieda kontra l-isfruttament sesswali tat-tfal online.

Permezz ta’ “Operation Stream”, li rat is-sehem ta’ korpi minn aktar minn 35 pajjiż madwar id-dinja, fosthom il-Korp tal-Pulizija ta’ Malta, ġew identifikati mal-1,400 suspettat minn madwar id-dinja, u s’issa ġew arrestati 79 individwu, fosthom 2 f’Malta.

Fi Frar illi għadda, il-Pulizija Maltija rċeviet informazzjoni mill-Europol li żewġ Maltin allegatament xtraw u tellgħu materjal fuq waħda mill-akbar pjattaforma online tal-pedofelija fid-dinja, bl-isem ta’ “KidFlix”.

Wara li ġew identifikati ż-żewġ Maltin, f’operazzjoni konġunta internazzjonali, dawn ġew arrestati f’Malta, fl-10 ta’ Marzu u minn tfittxijiet li saru ġew sekwestrati apparat u materjal fejn jidħol sfruttament sesswali tat-tfal online. Wieħed mill-irġiel ta’ 27 sena tressaq il-Qorti u ammetta għall-akkużi miġjuba kontrih, waqt li ieħor, ta’ 26 sena, mistenni jitressaq il-Qorti fil-ġranet li ġejjin.

Waqt “Operation Stream”, ġew ikkonfiskati aktar minn 3,000 apparat eletroniku minn madwar id-dinja, u d-79 individwu li ġew arrestati, qed jiġu investigati talli qassmu materjal ta’ abbuż sesswali fuq it-tfal, fejn uħud minnhom, mhux biss tellgħu u raw filmati, iżda wkoll allegatament abbużaw mit-tfal online. L-investigazzjonijiet madwar id-dinja għadhom għaddejjin.

Dan filwaqt li ngħalqet għal kollox il-pjattaforma “Kidflix”, fejn irriżulta mill-Europol li total ta’ 1.8 miljun utent madwar id-dinja lloggjaw fuqha bejn April 2022 u Marzu 2025, fejn dak iż-żmien kien fih madwar 72,000 vidjo, li ġew ikkonfiskati mill-awtoritajiet Ġermaniżi u Olandiżi.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport